Wednesday, May 8, 2024

Rinnovazzjoni għall-fergħa tal-BOV tas-Siġġiewi

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta reċentament nieda proġett ta’ rinnovazzjoni sabiex jimodernizza l-akbar numru ta’ fergħat tal-banek u jimplimenta ambjent aħjar kemm għall-klijenti kif ukoll għall-impjegati. Wara li reċentament bdew ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fuq il-fergħat ta’ Raħal Ġdid u taż-Żurrieq, ir-rinnovazzjoni li jmiss se tkun għall-Fergħa tas-Siġġiewi. 

“Parti integrali mill-istrateġija BOV 2023 hija li niddisinjaw mill-ġdid iż-żoni ta’ kuntatt mal-klijenti sabiex dawn jaqdu l-bżonnijiet tal-klijenti tal-llum” qal Kenneth Farrugia, Chief Retail Banking Officer fil-Bank of Valletta. L-ispeċjalisti tar-Retail Network tal-Bank ħadmu intensivament fuq dan il-proġett sabiex jfasslu esperjenzi aħjar għall-klijenti tal-fergħat. “Ir-rispons pożittiv li diġà rċevejna fuq il-fergħa l-ġdida ta’ Tas-Sliema jsaħħilna l-fiduċja f’dawn il-proġetti ta’ rinnovazzjoni, hekk kif qiegħdin nitrasformaw il-fergħat f’ċentri bankarji ffukati fuq il-klijenti.”

Minħabba xogħlijiet estensivi u għas-sigurtà tal-klijenti, il-Fergħa tas-Siġġiewi se tingħalaq temporanjament mill-10 t’Ottubru 2021 għal madwar tlett xhur. Is-servizzi tal-kaxxiera se jiġu pprovduti mill-Fergħa ta’ Ħal Qormi mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8:30am u 12:00pm. Servizzi oħra bħal self għad-djar, self personali, investimenti u applikazzjonijiet għal servizzi ġodda se jkunu disponibbli b’appuntament mill-Fergħa ta’ Ħal Qormi. 

L-ATM li tinsab mal-Fergħa tas-Siġġiewi se tibqa’ fis-servizz għad-disponibbiltà tal-klijenti. ATMs oħra viċin jinsabu mal-Fergħa ta’ Ħal Qormi, Ta’ Farsina u fil-Pavi Shopping Mall. Il-klijenti huma mħeġġa jużaw il-BOV Cards biex jipproċessaw il-ħlasijiet u l-BOV Internet u Mobile Banking biex iwettqu l-ħtiġijiet bankarji tagħhom ta’ kuljum b‘mod aktar mgħaġġel u konvenjenti.

Matul dis-sena, il-Bank of Valletta kien qed jaħdem biex jistandardizza, isaħħaħ u jissimplifika l-esperjenza fil-fergħat. “L-istrateġija tagħna ‘l quddiem tiffoka fuq l-esperjenza tal-klijenti. Filwaqt li qed naraw kif nistgħu ntejjbu l-esperjenza diġitali tal-klijenti, nagħrfu ukoll l-importanza tal-klijenti ġewwa l-fergħat u kif dawn jistħoqqilhom ambjent aktar modern” kkonkluda Farrugia. 

Il-Bank of Valletta jixtieq jiskuża ruħu mal-klijenti tiegħu għall-inkonvenjent ikkawżat u jirringrazzjahom għall-koperazzjoni tagħhom.

Sport