L-awtoritajiet Taljani mmultaw lill-ġgant tal-midja soċjali Meta €805 miljun minħabba li aċċessa r-ritratti ta’ utenti ta’ Android mingħajr il-kunsens speċifiku tagħhom.
L-Awtorità Taljana għall-Protezzjoni tad-Data qalet li Meta naqset milli tinforma kif suppost lil madwar 20 miljun persuna li jużaw smartphones li kellha aċċess għar-ritratti u l-vidjows tagħhom permezz ta’ funzjoni fl-applikazzjoni ta’ Facebook.
L-awtorità tat lil Meta 60 jum biex tiddiżattiva din il-funzjoni b’mod awtomatiku u tibda titlob il-kunsens tal-utenti separatament.
Din il-multa hija fost l-akbar multi li qatt imponiet awtorità Taljana fuq kumpanija ġgant tat-teknoloġija.
Kelliem għal Meta qal lill-midja internazzjonali li l-kumpanija beħsiebha tappella mid-deċiżjoni.
Il-każ huwa marbut ma’ funzjoni li tissuġġerixxi ritratti u vidjows li jkunu fil-mowbajl tal-persuni bħala ideat għal pubblikazzjonijiet fuq Facebook.
Facebook kien jitlob aċċess għall-gallerija tar-ritratti tal-persuni li jużaw il-midja soċjali permezz ta’ awtorizzazzjoni waħda għall-applikazzjoni kollha. Madankollu, skont ir-regolatur Taljan, avviż li kien jidher qabel ma kienx jagħmilha ċara li din l-awtorizzazzjoni kienet tippermetti wkoll lil Facebook joħloq suġġerimenti bbażati fuq ir-ritratti li jinsabu fil-gallerija tal-utent.
L-awtorità qalet li fid-deċiżjoni tagħha ħadet inkunsiderazzjoni “in-numru kbir ta’ persuni affettwati”, kif ukoll il-fatt li din il-prattika għadha għaddejja fost dawk li ma aġġornawx l-applikazzjoni u dawk li diġà taw il-kunsens tagħhom għal din is-sistema.
Fost ir-raġunijiet għall-multa ssemmiet ukoll “in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn Meta”.
Min-naħa tagħha, Meta qalet lill-midja internazzjonali li ma taqbilx bil-qawwa mal-evalwazzjoni tal-fatti mill-awtorità, mal-mod kif ġiet applikata l-liġi u mal-ammont tal-multa, li ddeskriviet bħala sproporzjonat.
Il-kumpanija sostniet li din hija funzjoni sempliċi li tgħin lill-utenti jippubblikaw ritratti u vidjows fuq Facebook. Spjegat ukoll li l-utenti jridu jagħtu permess permezz tat-tagħmir tagħhom qabel ma din il-funzjoni tkun tista’ taħdem, u li jistgħu jibdlu dan il-permess fi kwalunkwe ħin permezz tas-settings.
Ix-xahar li għadda, Meta, li hija wkoll il-kumpanija wara Instagram u WhatsApp, intlaqtet mill-akbar multa li qatt ingħatatilha b’rabta mal-prattiki kummerċjali tagħha.
Imħallef fl-Istat ta’ New Mexico, fl-Istati Uniti, ordna lill-kumpanija tħallas $25 biljun, wara li l-qorti sabet li l-kumpanija kienet ilha snin tqarraq bil-pubbliku dwar il-mod kif kienet tittratta d-data tal-utenti ta’ Facebook.




