Kien hemm ħafna diskors dwar iż-żieda tal-football professjonali fl-Arabja Sawdija. Għalkemm qabel relattivament mhux magħruf, is-Saudi Pro League essenzjalment sploda fix-xena meta Cristiano Ronaldo ddeċieda li jingħaqad ma’ Al Nassr f’Jannar.
Din il-mossa setgħet ixxukkjat lil ħafna madwar id-dinja, iżda l-flus żgur li tkellmu.
Bħalissa Ronaldo qed jaqla’ aktar minn $200 miljun kull staġun biex jilgħab ma’ Al Nassr. Il-kampjonat Sawdi, madankollu, ma waqafx biss fuq is-superstilla Portugiż. Timijiet ġewwa n-nazzjon tal-Lvant Nofsani ngħaqdu flimkien biex jonfqu kważi $1 biljun fi ħlasijiet ta’ trasferiment matul is-suq tat-trasferimenti tas-sajf.
Wieħed minn dawn it-trasferimenti kien l-eks captain ta’ Liverpool, Jordan Henderson. Il-midfielder mar għand Al-Ettifaq fi ftehim li jiswa madwar $15-il miljun.
Flimkien mat-trasferiment, Henderson irċieva wkoll żieda massiva fil-pagi. Minkejja ż-żieda fis-salarju, l-eks Red sostna li l-bidla ma kinitx motivata mill-flus.
Madankollu, ħafna partiti mill-ogħla livell fl-Arabja Sawdita jarawhom inqas minn 1,000 partitarju.
Minkejja l-infieq sinifikanti mill-Arabja Sawdija biex jakkwistaw l-aqwa players, il-partitarji mhumiex eżattament jiġru lejn l-istadiums.
Fil-fatt, taqbila riċenti bejn Al-Riyadh u Al Okhdood kien rappurtat li ntlagħbet quddiem 133 partitarju biss. Iż-żewġ timijiet ma kinux parti mill-infiq massiv tas-sajf ġewwa s-Saudi Pro League.
Madankollu, il-logħba msemmija qabel ma kinitx xi waħda ta’ barra minn hawn għall-kampjonat. Al-Ettifaq ta’ Henderson suppost iffaċċjaw lil Abha b’976 partitarju biss fl-istands.
Il-midfielder qabel lagħab quddiem aktar minn 50,000 partitarju jgħajtu f’Anfield. Iċ-ċifri tal-attendenza medja rrappurtati għas-Saudi Pro League bħalissa huma ta’madwar 8,000 għal kull partita. Madankollu, dan ixaqleb ħafna fuq l-aqwa partiti.
L-ATTENDENZI JVARJAW SKOND MIN IKUNU T-TIMIJIET
Per eżempju, Al Nassr ta’ Ronaldo bħalissa għandhom medja ta’ madwar 21,500 partitarju kull partita. Al-Ittihad, li jonqfu bil-kbir jirreġistraw madwar 29,000 partitarju fis-siġġijiet għal-logħob domestiku.
Madankollu, timijiet ta’ livell aktar baxx għandhom medja sinifikament inqas ta’ partitarji. Abha u Al-Shabab qed ikollhom medja ta’ inqas minn 2,000 partitarju kull partita matul il-kampanja attwali. Iż-żewġ grounds tal-club għandhom kapaċità ta’ madwar 20,000 siġġu.
Għalkemm fis-Saudi Pro League l-infieq żdied, l-impenn tal-partitarji jidher li jeħtieġ aktar ħin għat-tkabbir. L-uffiċjali Sawdi, madankollu, se jippruvaw iħaffu dan il-proċess billi potenzjalment jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-2034.
Uffiċjali tal-football fin-nazzjon riċentement ħabbru l-intenzjonijiet tagħhom li jorganizzaw it-tournament wara li ċedew li jorganizzaw it-tournamnt tal-2030, li se jaħbat il-100 anniversarju mindu ġie organizzat u mirbuħ mill-Urugwaj.