Minn Grupp G, il-Ħamis fit-8.00 pm, il-Brażil favoriti li jirbħu t-Tazza tad-Dinja, i jibdew l-impenji tagħhom kontra s-Serbja.
Preżenti dejjem fit-Tazza tad-Dinja, il-Brażiljani mistennija jaslu sal-istadji kollha ta’ dan it-tournament.
Huma waslu sas-semi-finali fl-2014, qabel ma sfaw eliminati mill-Ġermanja, u waslu sal-kwarti tal-finali fl-2018. Ilhom ma jaslu sal-finali mill-aħħar trijonf tagħhom fl-2002, iżda Neymar flimkien ma’ team mimli talent, reżiljenza u esperjenza, huma tabilħaqq favoriti li jgħollu t-trofew.
Fir-rigward tas-Serbja, huma jiffaċċjaw test diffiċli biex jikkwalifikaw għar-round li jmiss fejn jistennewhom partiti kontra l-Isvizzera u l-Kamerun li kollha huma miftuħa għal kull riżultat.
Huma ma rnexxilehomx jiksbu l-kwalifikazzjoni mill-fażi tal-gruppi fl-aħħar żewġ kampanji tagħhom, iżda b’Dusan Vlahovic u Aleksandar Mitrovic fl-attakk u Sergej Milenkovic-Savic f’nofs il-ground, jistgħu tabilħaqq ikunu ta’ oppożizzjoni denja għal kull team f’dan il-grupp.
Għall-Brażil, il-winger ta’ Manchester United Antony għamilha fl-iskwadra iżda mhux mistenni jibda mal-ewwel 11, filwaqt li Raphinha ta’ Barcelona għandu jibda fuq il-lemin.
Min-naħa l-oħra għas-Serbja, Aleksandar Mitrovic mistenni jitlef l-ewwel partita, wara li sofra injury fl-għaksa. Jekk jibda, għandu jsieħeb lil Dusan Vlahovic, iżda Luka Jovic għandu jieħu post Mitrovic jekk dan tal-aħħar jonqos milli jkun inkluż f’din il-partita.