Sunday, May 5, 2024

OneLove: Id-Danimarka qed jevalwaw li jirtiraw mill-FIFA

Aqra wkoll

L-FA tad-Danimarka ħabbret li hija miftuħa li tirtira mill-FIFA, għalkemm hija sostniet li jrid ikollha l-appoġġ ta’ nazzjonijiet oħra biex tagħmel dan. 

Id-Danimarka kienu wieħed mis-seba’ pajjiżi li kienu qed jippjanaw li jilbsu l-faxxa OneLove fit-Tazza tad-Dinja tal-Qatar, flimkien mal-Ingilterra, Wales, l-Olanda, il-Belġju, il-Ġermanja u l-Isvizzera.

Madankollu, ftit qabel ma l-Ingilterra bdiet il-kampanja tagħha kontra l-Iran, nhar it-Tnejn li għadda, huma ġew mhedda b’sanzjonijiet sportivi mill-FIFA, maħsuba li huma tal-inqas karta safra għall-captain … b’possibbiltá li kienu se jittieħdu aktar passi dixxiplinari.

Is-seba’ pajjiżi qablu li ma jilbsux il-faxex, iżda kien hemm għadab u rabja kbira li l-FIFA daħlet f’din il-kwistjoni, bl-FA tal-Ġermanja tiddeskrivi din il-mossa bħala rikatt, filwaqt li l-players Ġermaniżi pprotestaw kontriha qabel il-logħba tagħhom kontra l-Ġappun, nhar l-Erbgħa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FA Daniża, Jakob Jensen, qal li d-diskussjonijiet dwar it-tluq mill-FIFA kienu diġà għaddejjin, iżda fil-futur qrib se jkunu aktar serji.

“Mhijiex deċiżjoni li trid ttieħdet issa. Ilna ċari dwar dan għal żmien twil. Ilna niddiskutuha fir-reġjun Nordiku minn Awwissu li għadda,” qal Jensen.

“Bdejt nirrifletti. Nimmaġina li jista’ jkun hemm sfidi kbar jekk id-Danimarka titlaq waħedha. Imma ejja naraw jekk ma jistax ikollna djalogu dwar din il-kwistjoni u affarijiet oħra.

“Irridu niltaqgħu ma’ nazzjonijiet oħra dwar din il-kwistjoni u rridu nistaqsu wkoll dwar il-fiduċja tal-FIFA. Irridu nevalwaw dak li ġara, u mbagħad irridu noħolqu strateġija – ukoll mal-kollegi Nordiċi tagħna.”

Id-Danimarka kkonfermaw ukoll li mhux se jkunu qed jappoġġjaw lill-president tal-FIFA Gianni Infantio fl-offerta tiegħu li ġejja għall-elezzjoni mill-ġdid.

Sport