Wednesday, April 24, 2024

Cristiano Ronaldo jirċievi mega-offerta mil-Lvant Nofsani

Aqra wkoll

Wara li nhar it-Tlieta li għadda tħabbar li Cristiano Ronaldo telaq lil Manchester United bi qbil reċiproku mal-club, huwa diġá rċieva mega-offerta biex imur jilgħab fil-Lvant Nofsani. 

Il-kuntratt tal-attakkant internazzjonali Portugiż kellu jintemm f’Ġunju li ġej iżda ġie kkanċellat hekk kif kellu salarju ta’ £500,000 fil-ġimgħa.

Iżda kif jgħidu: “Jingħalaq bieb u jinfetħu mija!” Dan minħabba li l-player ta’ 37 sena rċieva offerta mill-aktar attraenti minn club mill-Arabja Sawdija. 

Fis-sajf li għadda huwa kien se jingħaqad ma’ Al-Nassr iżda huwa ried jibqa’ jilgħab fl-Ewropa fit-tentattiv li jilgħab fil-UEFA Champions League. Mis-sajf li għadda ta l-indikazzjoni wkoll li ried jitlaq lir-Red Devils iżda l-ebda club ma’ kien lest li jħallas dak is-salarju. 

Madankollu, proprju l-Erbgħa, huwa ġie kkuntattjat mill-aġent tiegħu li l-club ta’ Al-Hilal jinsab lest li joffrilu kuntratt ta’ £305 miljuni għas-sentejn li ġejjin. Iżda huma se jkollhom sfida kbira mir-rivali, Al-Nassr

Bħal Newcastle, Al-Nassr huma proprjetà tal-Fond tal-Investiment Pubbliku tal-Arabja Sawdija u s-sid tal-club, il-Prinċep Faisal Bin Turki, jinsab interessat biex jiffirma lil Ronaldo … wara li fis-sajf li għadda kellhom l-ewwel kuntatt miegħu. 

Bħalissa Al-Nassr jinsabu fit-tieni post tal-Pro League u fuq il-kotba tagħhom għandhom lill-goalkeeper tal-Kolombja David Ospina, lill-midfielder tal-Brażil Luiz Gustavo u lill-attakkant tal-Kamerun Vincent Aboubakar.

Sport