Wednesday, April 24, 2024

Mumenti li fihom ġew imxekkla n-negozjati minħabba kummenti online

Il-psikjatra Mark Xuereb jappella biex ma nkattrux it-tbatija għax hemm it-tfal fin-nofs

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’ħidma konġunta bejn il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-pumpiera tal-emerġenza, il-Crisis Resolution Malta mmexxi minn Dott. Mark Xuereb, wara 17-il siegħa ta’ taqtigħ il-qalb, ilbieraħ temmu b’suċċess in-negozjati biex l-allegat qattiel ta’ Bernice Cassar, l-omm maqtula f’Raħal Ġdid, jinħareġ mid-dar li ngħalaq fiha. 

F’dik deskritta bħala esperjenza “roller coaster”, il-psikjatra Mark Xuereb appella biex “bħala nazzjon għandna nkunu maturi u ma ngħaġġlux biex niġġudikaw għax f’sitwazzjonijiet ta’ tbatija kulħadd huwa tellief. Għandna niftakru li hemm it-tfal fin-nofs. Kull munita għandha żewġ faċċati u f’sitwazzjonijiet bħal dawn għandna noqogħdu attenti minħabba li proprju l-bieraħ kien hemm sitwazzjoni delikata li ġiet mxekkla, forsi mhux b’intenzjoni, minn kummenti li telgħu fuq il-midja soċjali”.

Il-psikjatra Mark Xuereb

It-Tlieta li għadda t-tim tal-Crisis Resolution Malta fid-9.30 ta’ filgħodu rċieva telefonata mill-qraba tal-allegat qattiel u minħabba li qaluhom li jinsab fi kriżi, huma marru immedjatament fuq il-post. Hawn sar assessjar psikoloġiku, stħarriġ dwar jekk hemmx bżonn ta’ xi tip ta’ għajnuna fiżika bħal mediċini, kif ukoll inġabret kull tip ta’ informazzjoni mil-lat soċjali bħal fost l-oħrajn x’tip ta’ support għandu l-persuna.  

Filwaqt li ċċara li ma jistax jitkellem fuq il-każ għax għadu sub ġudiċe, Dott. Xuereb spjega li fuq il-post sar assessjar ta’ riskju tal-persuna biex jaraw jekk kienx f’riskju baxx jew qawwi li jew iweġġa’ lilu nnifsu jew lil ħaddieħor, kif ukoll jekk hemmx element ta’ tiċħid.

It-tfal kienu tema importanti ħafna fin-negozjati

Tul din il-ħidma li baqgħet għaddejja sal-4.00 a.m., inbniet relazzjoni intima bejn in-negozjaturi u l-allegat qattiel fejn il-psikjatra ddeskriva mumenti ta’ qtigħ il-qalb, oħrajn ta’ tama, kif ukoll mumenti ta’ kriżi. “Kien hemm mumenti li morna lura fin-negozjati għax ippruvajna nilħqu x’imkien imma kien hemm nies li kkumentaw mingħajr ma kellhom il-fatti tant li xekklu l-progress. Qatt m’għandna ninsew li omm sfat vittma u qalbna toħroġ għaliha u għall-qraba tagħha għax din il-povra mara spiċċat f’dak li sar. Però, huwa importanti li nkattru t-tama biex ngħinu lil dak li jkun speċjalment lill-vulnerabbli u l-minorenni li għandi ngħid li dawn kienu tema importanti ħafna fin-negozjati”.

Dott. Xuereb infurmana li tul il-ħidma kien hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-uffiċjali kollha fejn kulħadd ipprova “jagħmel mill-aħjar għal dan ir-raġel”. Huwa qal li finalment kellhom jidħlu għalih għax ma kellhomx alternattiva oħra fejn sabuh fi stat ta’ kriżi serja u miġugħ. Hawn, bħala proċedura, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għal testijiet, kif ukoll assessjar psikoloġiku ieħor barra dak li kien diġà sarlu fuq il-post.

Il-Kap tal-Crisis Resolution Malta saħaq li każ bħal dan u dawk li ppreċedewh juru kemm huwa importanti li jkollna strateġija kontra l-vjolenza u oħra nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju.

“Il-vjolenza qatt mhi ttollerata però għandna nikkundannaw l-aġir u mhux lill-persuna għax kulħadd għandu l-istorja tiegħu. Dejjem irid ikun hemm ġustizzja ma’ kulħadd u għalhekk għandna nħallu lill-ġudikatura tagħmel xogħlha. Nifhmu l-emozzjonijiet u t-tbatija kbira li każ bħal dan iġib miegħu u hawn aħna nagħtu l-kondoljanzi tagħna għal din it-traġedja soċjali imma, importanti li ma nkunux aħna stess li nkabbru t-tbatija b’kummenti online,” insista Dott. Xuereb.

Dott. Mark Xuereb irringrazzja lill-Ispetturi John u Kurt, kif ukoll lil kull min b’xi mod kien involut fin-negozjati inklużi l-uffiċjali preżenti fuq il-post, lit-tim tiegħu, kif ukoll lin-nies kollha li għenu inkluż dak ir-raġel li f’dawk is-sigħat twal ta’ ħidma ħadilhom il-kafe, il-ħobż u l-ilma.

Sport