Wednesday, November 27, 2024

“L-attenzjoni qed iddur fuq il-varjant ġdid Mu” – Id-DPM Chris Fearne

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt il-konferenza stampa li matulha tħabbar rilaxx ta’ miżuri relatati mal-ivvjaġġar f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne stqarr illi x-xenarju tal-varjanti qiegħda kontinwament tinbidel u issa l-attenzjoni qed iddur fuq il-varjant ġdid imsejjaħ Mu.

“Il-kriterji ta’ dawk il-pajjiżi li se jkunu fuq il-lista l-ħamra skura mhux se jibqgħu marbuta mad-Delta iżda mal-varjanti tal-Mu. Dan ifisser li se jkun hemm tibdil f’dawk il-pajjiżi li qegħdin f’din il-lista. Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed nippubblikaw il-lista ta’ pajjiżi li huma fuq il-lista l-ħamra bi kriterji ġodda fejn qed niffokaw aktar fuq il-Mu milli fuq id-Delta għax dan tal-aħħar dar id-dinja kollha nkluż Malta,” tenna l-Ministru Fearne.

Mistoqsija minn L-Orizzont sabiex telabora aktar dwar il-varjant Mu, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci qalet li ġie nnutat li dan il-varjant huwa l-aktar predominanti f’pajjiżi fl-Afrika t’Isfel.

“Li hemm indikat sa issa huwa li dan il-varjant għandu mutazzjonijiet li ħarġu simili ma’ dak tad-Delta u tal-Alpha. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjaratu bħala varjant ta’ interess u qed issegwih biex inkomplu naraw jekk hux se jkun hemm differenzi fil-mod ta’ kif jiġi trażmess, jekk hux se jkollu impatt fuq il-kundizzjoni medika tal-persuna u l-impatt fuq l-effettività tal-vaċċin,” qalet Prof. Gauci.

“Ladarba għandna dan il-varjant ġdid, irridu noqogħdu attenti u għalhekk daħħalnieh fil-kriterji tagħna ta’ assessjar. Irridu nkomplu nsegwu x’tgħid il-WHO u nadattaw dwaru.”

Sport