L-aġġornament ekonomiku ta’ April maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa’ ogħla mill-medja storika, għalkemm qiegħed jinnormalizza mix-xhur ta’ qabel.
L-istess aġġornament juri wkoll li l-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta kien ferm ogħla minn ta’ sena ilu u ferm ogħla wkoll mill-medja, għalkemm naqas f’Marzu meta mqabbel ma’ xahar qabel.
Meta mqabbla ma’ Frar, il-fiduċja naqset fl-industrija u fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li kien hemm titjib fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi.
L-Indikatur ta’ Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas meta mqabbel ma’ Frar u jindika tnaqqis fl-inċertezza. Dan it-tnaqqis fl-inċertezza kien xprunat l-aktar minn żviluppi fis-settur tas-servizzi.
Meta mqabbla max-xahar ta’ Jannar il-produzzjoni industrijali fi Frar naqset f’termini annwali, għalkemm b’rata annwali inqas mgħaġġla . Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b’ritmu inqas mgħaġġel minn xahar qabel.
Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-iustess meta mqabbla mix-xahar ta’ qabel u baqgħet ferm taħt dik irreġistrata qabel il-pandemija.
F’Marzu, l-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ u konvenji għal proprjetà residenzjali naqas. Fi Frar, kien hemm tnaqqis fil-permessi maħruġa għal bini kummerċjali, filwaqt li żdiedu sew il-permessi maħruġa għal bini residenzjali.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta’ 4.5% f’Marzu, żieda minn 4.2% fix-xahar ta’ qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet għal 4.4% f’Marzu, żieda minn 4.2% xahar qabel.
Id-defiċit tal-Fond Konsolidat fi Frar 2022 żdied meta mqabbel ma’ sena qabel, hekk kif żieda fl-ispejjeż għelbet dħul ogħla mit-taxxa.