Saturday, December 14, 2024

L-attivitajiet ‘I Love ix-Xlendi’ u x-‘Xlendi Sunset Festival’ se jkomplu jiġġeneraw it-turiżmu

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra l-inizjattiva I Love ix-Xlendi se terġa’ ssir fil-bajja pittoreska tax-Xlendi, festival li qed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Munxar bis-sostenn finanzjarju u bil-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex. Huwa spjega li I Love Ix-Xlendi tikkonsisti f’għadd ta’ attivitajiet varjati kull tmiem il-ġimgħa għal matul is-sajf fejn se jispikka t-talent lokali. Bosta attivitajiet huma mfassla madwar tradizzjonijiet popolari, fatti storiċi, kultura, arti u inizjattivi sportivi, marbutin max‑Xlendi, flimkien ma’ inizjattivi oħra ta’ divertiment live minn diversi artisti f’lokal turistiku.

Il-Ministru għal Għawdex Camilleri spjega li, “dawn l-attivitajiet qed jinżlu tajjeb mal-pubbliku ġenerali li jiffrekwenta l-bajja popolari tax-Xlendi. Il-Fjakkolata li ssir tolqot kemm l-aspett kulturali, dak tradizzjonali kif ukoll dak storiku Malti. Dawn l‑attivitajiet jgħinu biex jiġġeneraw l-ekonomija ta’ Għawdex.” Din l-inizjattiva timxi pari passu mal-festivals ta’ kull ġimgħa li tħabbru f’lokalitajiet oħrajn madwar Ghawdex.

Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li x-Xlendi Sunset Festival se tittella’ fit-18 ta’ Lulju li ġej u se tkun attività oħra f’din il-bajja b’għadd ta’ bands lokali flimkien mall-involviment tal-għaqdiet tar-raħal fil-Munxar. Hawnhekk spjega li attivitajiet popolari bħal I Love ix-Xlendi u x-Xlendi Sunset Festival jgħinu biex wieħed igawdi u jabbina l-ġmiel naturali u l-faċilitajiet turistiċi tax-Xlendi, u jgawdi minn spettaklu varjat u kulturali.

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri rringrazzja lill-Ministru Clint Camilleri tas-sostenn finanzjarju sabiex attivitajiet bħal dawn ikunu possibbli li jittellgħu fix-Xlendi.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dawn l-attivitajiet jattiraw turisti ta’ kwalità kif ukoll ikomplu jiġġeneraw turiżmu intern u jħeġġu aktar Maltin u turisti jqattgħu l‑btala tagħhom fix‑Xlendi.

Ekonomija

Sport