Minn hawn u ftit tal-jiem oħra jibdew jirrankaw iċ-ċelebrazzjonijiet u l-attivitajiet marbuta mal-festi sbieħ tal-Milied. Żmien tant mistenni minn ħafna li matulu naraw ukoll tiżjin u dekorazzjonijiet diversi fit-toroq u anke fid-djar tagħna. Huwa żmien ukoll li jġib miegħu sens ta’ għaqda fost il-poplu lill hinn mill-partiġġjaniżmu, fejn tispikka wkoll il-ġenerożità u l-altruwiżmu illi wieħed jaħseb f’ħaddieħor.
Imma apparti minn dan, tajjeb li f’dan iż-żmien tas-sena napprezzaw il-ħidma li ssir minn bosta persuni li jagħmlu minn kollox biex joħolqu kunċetti differenti anke b’attivitajiet diversi, sabiex il-Milied kemm jista’ jkun jitgawda minn kulħadd. Dan qed narawh iseħħ ukoll fil-lokalitajiet tagħna.
Jiġi f’moħħna b’mod partikolari l-Belt Valletta, fejn b’investiment ta’ €650,000 se jinħoloq ambjent maġiku fil-kapitali ta’ pajjiżna. Il-programm ta’ din is-sena se jkun imżewwaq sew u għalhekk se jkun ta’ nteress għall-familji kollha u għat-turisti li jżuruna f’dan il-perjodu. Għalhekk, f’dan ir-rigward, ma nistgħux inħallu barra u ma nfaħħrux ħidmet l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li taħseb biex toħloq ambjent uniku u avvenimenti propji matul ix-xahar kollu ta’ Diċembru.
L-investiment li qed isir juri wkoll l-impenn kontinwu tal-Gvern biex il-Belt Valletta tibqa’ l-qalb ħajja ta’ attivitajiet artistiċi u kulturali. Iżda investiment bħal dan mhux qed isir fil-Kapitali biss. Tant hu hekk li l-Gvern ta’ kull sena jagħti s-sostenn bla dintinzjoni lil-lokalitajiet li wkoll itellgħu numru sabiħ ta’ attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
It-tajjeb hu li b’attivitajiet bħal dawn, qegħdin inkomplu nsaħħu u nesponu l-identità u l-karatteristiċi kulturali ta’ pajjiżna u anke noħolqu aktar spazji fejn in-nies ikunu jistgħu jgawdu flimkien, jirriflettu u jiċċelebraw l-ispirtu tal-Milied.
Għalhekk huwa importanti li dawn l-aspetti nkomplu nagħtu kashom sabiex pajjiżna jibqa’ jesponi dak kollu li huwa mogħni bih.
Il-ħasra hi li ċertu tradizzjonijiet marbuta mal-ġranet festivi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, li konna naraw snin ilu, qed jintilfu, jekk mhux diġà ntilfu. Għalhekk ikun tajjeb jekk l-għaqdiet kulturali, li minnhom għandna f’ħafna lokalitajiet, jiflu ftit ul-possibiltà li jreġġgħu lura dawn it-tradizzjonijiet biex almenu, il-ġenerazzjonijiet ta’ għada jkollhom togħma ta’ kif kienu jqattgħu u jiċċelebraw il-festi tal-Milied l-antenati tagħhom.

