Thursday, December 19, 2024

L-attur famuż “The Rock” jagħti trakk lussuż bħala rigal ta’ ringrazzjament

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dwayne Johnson japprezza għajnuna li rċieva mingħand ħabib meta kien bla saqaf fuq rasu…

L-attur leġġendarju magħruf għall-istatura fiżika b’saħħitha ħafna, Dwayne “The Rock” Johnson, kien fuq l-aħbarijiet dan l-aħħar wara li b’umiltà u apprezzament sab ħabib antik li kellu biex jirritorna ġest ta’ ġenerożità li kien għamel miegħu. L-attur ta’ Hollywood, li sar famuż l-ewwel bħala wrestler tal-WWE u mbagħad fis-swali taċ-ċinema, għamel rigal sabiħ ta’ trakk b’valur ta’ $30,000 lir-raġel li snin ilu kien laqgħu għandu meta ma kellux fejn joqgħod. 

Fuq vidjow li tella’ fuq Instagram, l-istilla ta’ Hollywood Dwayne Johnson, stajna naraw il-qalb kbira li għandu fejn fil-filmat jidher fil-kumpanija tal-ħabib tiegħu Bruno Lauer, ir-raġel li kien ta saqaf fuq ras l-attur meta kellu 15-il sena. Lauer kien anke xtara lil Johnson l-ewwel karozza tiegħu u fil-filmat deher fiċ-ċar kemm bejn iż-żewġt irġiel hemm ħbiberija unika.

“Bruno seta’ (u missu) irrifjuta li jilqagħni iżda m’għamilx hekk. Laqgħa tifel imqareb u sirna ħbieb għal dejjem” – l-attur ta’ Hollywood Dwayne “The Rock” Johnson

Fil-vidjow huma rrakkontaw l-esperjenzi li għaddew minnhom fl-ewwel snin li qattgħu flimkien. Bħala ringrazzjament għal dak kollu li Lauer għamel miegħu, Johnson xtaq jagħtih sorpriża sabiħa billi xtralu karozza ġdida. Lauer ma riedx jemmen b’għajnejh li l-attur ewlieni tal-film kolossali “The Scorpion King” tah trakk lussuż. 

“Ħajti, b’mod speċjali meta kont għadni adoloxxenti, kienet mimlija b’sitwazzjonijiet partikolari iżda Alla u l-univers dejjem raw li jibagħtuli persuni li jgħinuni. Nippreżentalkom lil wieħed mill-akbar ħbieb antiki tiegħi, Bruno Lauer”. Hekk beda l-vidjow tiegħu Johnson meta ta r-rigal sorpriża li sieħbu. Huwa għamel din is-sorpriża proprju fix-xahar tal-Milied, perjodu li fih naħsbu f’ħaddieħor b’mod speċjali dawk inqas ixxurtjati minna.

Kemm fil-messaġġ b’kitba, kif ukoll fil-vidjow, Johnson spejga kif meta kellu 15-il sena huwa u ommu kienu ġew żgumbrati mill-gżira ta’ Hawaii u huwa ntbagħat jgħix ma’ missieru. Iżda, meta kien wasal għand missieru Johnson sar jaf li ma jistax imur jgħix miegħu. 

Huwa qal li, “minflok kienu qaluli li se ngħix ma’ raġel li jismu Bruno li dak iż-żmien kien jgħix f’kamra żgħira f’motel bl-isem ta’ “Alamo Plaza”. Bruno seta’ (u missu) irrifjuta li jilqagħni iżda m’għamilx hekk. Laqgħa tifel imqareb u sirna ħbieb għal dejjem”. Lauer kien anke tah xi flus biex jixtri l-ewwel karozza tiegħu.

Laqgħu għat-tieni darba u reġa’ offrilu għall-futur…

L-għajnuna minn Lauer ma waqfitx hemm fejn disa’ snin wara laqgħu għal darb’oħra jgħix miegħu. Dak iż-żmien Johnson kellu madwar 25 sena. Huwa kien għadu fil-bidu tal-karriera tar-wrestling f’Memphis Tennesse u għal darb’oħra spiċċa bla saqaf fuq rasu. Kien hawn li Lauer laqgħu għat-tieni darba u għexu fi trailer f’Walls, Mississippi.

Għaldaqstant, wara dan iż-żmien kollu, Johnson ried jagħti lura ftit mill-ġenerożità li tah sieħbu Lauer. Huwa ħadu fuq is-sett ta’ “Young Rock”, sensiela li tirrakkonta l-ħajja ta’ Johnson stess u wara għamillu din is-sorpriża sabiħa billi xtralu vettura b’messaġġ miktub fuqha – “Il-Milied it-Tajjeb Bruno. Minħabba li għentni nixtri l-ewwel karozza tiegħi, ridt nagħmel l-istess lilek u xtrajtlek waħda. Inħobbok għażiż ħija. Il-qalb tajba tiegħek għenitni jkolli futur aħjar u noħroġ mid-diffikultajiet li kont fihom”.

Lauer qatt ma stenna dan ir-rigal sabiħ minn Johnson – trakk Ford F150, tant li meta rah bil-kemm seta’ jlissen kelma u nfaqa’ jibki bil-ferħ. 

Huwa qallu li qatt m’huwa se jinsa dan il-ġest sabiħ u li jħobbu. Mhux talli hekk, talli f’nota li kitiblu bħala ringrazzjament żied jassigura lil Johnson li ladarba jieqaf jaħdem, fl-eventwalità li jkollu bżonn, jista’ dejjem jerġa’ jmur joqgħod għandu.

L-attur popolari u maħbub Dwayne “The Rock” Johnson kellu rwoli ċinematografiċi oħra ta’ suċċess fosthom fil-films “Fast & Furious”, “Moana” u “Jumanji”

Ekonomija

Sport