Sunday, May 19, 2024

“La f’qalbna, la f’dak li niktbu jew fl-għemil tagħna m’għandu jkun hemm post għall-mibgħeda”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-PM itenni l-appell tiegħu biex in-nies jitlaqqmu kontra l-Covid-19 u bid-doża tal-booster

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-fatt li l-hate speech għadu wisq preżenti speċjalment fid-dinja online u sostna li la f’qalbna, la f’dak li niktbu u wisq inqas fl-għemil tagħna m’għandu jkun hemm post għall-mibgħeda.

Huwa qal dan fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida 2022 fejn sostna li jekk hemm riżoluzzjoni li għandna nagħmlu hi li niġġieldu dan il-fenomenu bil-mod kif inġibu ruħna u bl-eżempju li nagħtu.

Waqt il-messaġġ tiegħu ma naqasx l-appell tiegħu dwar kemm hu kruċjali s-sehem ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa qal li fuq quddiem nett, billi naċċettaw l-istedina biex inkomplu nitlaqqmu kontra l-Covid-19, partikolarment issa, bid-doża tal-booster. 

“Huwa kruċjali li ma nkunux arroganti quddiem il-virus tal-Covid-19”

Fl-istess waqt huwa ħeġġeġ ukoll lill-ġenituri biex ilaqqmu lil uliedhom skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Fi kliemu, hekk inżommu b’saħħitna bħala ċittadini u hekk ukoll inkunu nistgħu nħallu għaddejja r-rota ekonomika u l-ħajja soċjali u kulturali tagħna, li tant hi kruċjali għall-kwalità ta’ ħajja aħjar u għas-saħħa mentali tal-poplu tagħna. Qal li biex inżommu l-pass ta’ progress b’saħħtu, huwa kruċjali li ma nkunux arroganti quddiem il-virus tal-Covid-19. 

“Fl-aħħar xhur kienu ħafna l-okkażjonijiet fejn għexna eqreb tan-normalità”

Huwa rrikonoxxa l-fatt li qed intemmu sena oħra li matulha d-dinja baqgħet u għadha qed tiġġieled pandemija. Iżda qal li huwa minnu wkoll li tul is-sena 2021 kellna diversi mumenti fejn bdejna noħorġu mill-iktar effetti iebsin tal-pandemija.

Sostna li bil-mod effettiv u effiċjenti li bih ġie amministrat il-vaċċin, fl-aħħar xhur kienu ħafna l-okkażjonijiet fejn għexna eqreb tan-normalità.

“Iqawwilna qalbna l-fatt li f’diversi oqsma diġà ninsabu aqwa minn kif konna qabel bdiet il-pandemija”

“Issa rridu naħdmu kemm nifilħu biex is-sena d-dieħla nkunu nistgħu nibnu fuq dak li ksibna, minkejja l-isfidi li nistgħu naffaċċjaw,” filwaqt li żied jgħid li jqawwilhom qalbhom il-fatt li f’diversi oqsma diġà ninsabu aqwa minn kif konna qabel bdiet il-pandemija.

F’dan ir-rigward huwa rrefera għall-fatt li għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u l-inqas numru ta’ nies dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.  Fl-istess ħin, f’Malta llum għandna l-ikbar ammont ta’ nies sidien ta’ darhom.

Il-Prim Ministru qal li dawn huma kisbiet soċjali kbar li ftit li xejn setgħu jbassru madwar sentejn ilu. Anzi, fakkar li mal-mument li faqqgħet il-pandemija, it-tbassir kien bil-kontra. Dan iżda ma seħħx għax bħala Gvern ħadmu lkoll flimkien u dejjem kien hemm sa mill-bidu tal-pandemija biex jgħin lill-familji u n-negozji.

Abela qal li  fl-aħħar xhur kien hemm livelli ta’ investiment li qabżu dawk ta’ qabel il-pandemija, u ekonomija li reġgħet qed tikber bl-istess saħħa ta’ qabel feġġet il-Covid-19.

Tkellem dwar il-fatt li l-esperti barranin ibassru li s-sena d-dieħla l-ekonomija tagħna mistennija tkun l-iktar waħda li tikber fl-Ewropa. Fl-istess ħin, bħala Gvern baqgħu jaħsbu f’dawk li l-iktar għandhom bżonn appoġġ; il-pensjonanti u l-persuni b’diżabbiltà fuq quddiem nett.

“Konvint li bir-rieda u l-enerġija tan-negozji ta’ pajjiżna u l-bżulija u l-ħila tal-ħaddiema tagħna, dan kollu nistgħu mhux biss insostnuh, iżda nsaħħuh u ntejbuh, minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien,” qal Abela.

“Id-deċiżjonijiet kuraġġużi u sodi, kif ħadna sal-lum, iridu jibqgħu jittieħdu u mhux ikunu posposti”

Huwa żied jgħid li biex jagħmlu dan possibbli bħala gvern se jibqgħu jieħdu d-deċiżjonijiet, b’konsultazzjoni, iżda b’determinazzjoni. “Għax id-deċiżjonijiet kuraġġużi u sodi, kif ħadna sal-lum, iridu jibqgħu jittieħdu u mhux ikunu posposti. Hekk għamilna fl-aħħar xhur, biex minkejja l-pressjoni internazzjonali ħallejna stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, il-fuel u l-gass fost oħrajn.”

Abela tkellem ukoll dwar l-importanza li jibqgħu jaħsbu fil-prijorità l-ġdida u kbira li għandna quddiemna: l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja li qed ngħixu. 

Qal li jħares ‘il quddiem li nibdew naraw il-frott tal-ikbar inċentivi ambjentali li qatt tnedew. Huwa qal li dan isir kemm biex nieħdu ħsieb il-kwalità tal-arja tagħna, kif ukoll biex nieħdu ħsieb aħjar il-qalba tal-irħula tagħna. Għaldaqstant qal li għalhekk l-2022 trid tkun is-sena li matulha jsaħħu iktar ħidmiethom biex itejbu l-ambjent li ngħixu fih.  

“F’bosta oqsma, bħala Prim Ministru rajt li jkollna l-qafas legali biex nilħqu livelli ġodda. Iżda iktar minn hekk, trid tikber f’kulħadd ir-rieda li ngħixu dawn l-istandards ogħla. Kultant ikunu meħtieġa deċiżjonijiet iebsin u li jweġġgħu. Però ħadthom u nibqa’ neħodhom bl-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox,” qal Abela.

“Nistgħu nibdlu l-liġijiet kif għamilna sa riċenti, jista’ jkollna forzi tal-ordni li jaġixxu fil-ħin, iżda l-ikbar arma għall-fejqan tibqa’ l-attitudni ta’ kull persuna. Nenfasizza dan iktar minn qabel, għax mhux xi sigriet li s-sena d-dieħla jispiċċa l-mandat tal-gvern. Għalhekk il-poplu se jkun mitlub li jagħmel l-għażla tiegħu. Din l-għażla trid issir f’dan l-ispirtu ta’ rispett fejn niddibattu l-ideat u l-ħsibijiet differenti u mhux nattakkaw il-persuni. Anzi, bid-diskors tagħna rridu li ngħaqqdu l-pajjiż, mhux nifirduh. Bit-tgħajjir jitlef kulħadd. Bl-ideat nibnu pajjiż isbaħ u aħjar,” qal Abela filwaqt li temm jgħid li l-pandemija urietna kemm aħna aktar b’saħħitna meta naħdmu lkoll flimkien.

Sport