Fi protest ġudizzjarju kontra l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja, l-Avukat Daniel Attard talab investigazzjoni dwar sensiela ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Avukat Jason Azzopardi li fihom jiftaħar li għandu aċċess għal informazzjoni li qatt ma seta’ kellu aċċess għaliha, u għar minn hekk, bl-aktar mod sfaċċat ippubblika konklużjonijiet minn inkjesta maġisterjali, bi ksur tal-kodiċi kriminali.
Dr Attard, li huwa ukoll kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew, irrefera dikjarazzjoni ta’ Jason Azzopardi tas-17 t’Ottubru 2023 fejn dan sostna li “….Fit-tliet xhur li ġejjin, partikolarment f’Novembru u Diċembru, ser iseħħu aħbarijiet f’pajjiżna mill-aspett ġudizzjarju, li ser ikunu qawwija ħafna, bla precedent għalina u li ser iwasslu biex togħla t-temperatura. Repubblika u Daphne Caruana Galizia ser jingħataw raġun bil-kbir fuq ħaġa kbira ħafna, ħafna, ħafna li ser twassal għal terremot politiku…”
Il-protesta jgħid li “hu ċar u inekwivoku li tali dikjarazzjonijiet u oħrajn sussegwenti li saru mill-Avukat Azzopardi kellhom l-intiża li jiddistabilizzaw il-proċess ġudizzjarju u jinfluenzaw lill-ġudikanti konċernati, bil-konsegwenza li jimminaw ir-reputazzjoni tal-Qorti bħala istituzzjoni awtonoma u jiddeterjoraw il-fiduċja tal-poplu fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna. Dan aktar u aktar meta l-Avukat Jason Azzopardi huwa ukoll ir-rappreżentant legali tal-għaqda ‘Repubblika’ li skont hu se “tingħata raġun”, u allura jirriżulta li huwa parti fil-proċessi ġudizzjarji li qed jirreferi għalihom u li qatt f’tali stadju ma messu kellu aċċess dirett jew indirett għalihom, liema proċessi bl-aġir tiegħu renda vvizzjati, bi ksur manifest tal-Kodiċi tal-Etika li jirregolaw il-professjoni legali.
Dr Daniel Attard irrefera ukoll għal dikjarazzjoni sussegwenti fejn tenna li “bi ksur skjaċċanti tal-Artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali ta’ Malta, l-Avukat Azzopardi żvela konklużjonijiet ta’ inkjesta Maġisterjali li qatt ma seta’ kellu aċċess leġittimu għaliha…Bl-azzjoni primeditata tiegħu, l-Avukat Azzopardi mhux biss kompla jipprova jimmina u jiddistablizza proċessi ġudizzjarji filwaqt li jintimida u jipprova jinfluenza deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, iżda manifestament ippreġudika l-istess proċess ġudizzjarju li kien qed jirreferi għalih, bi ksur tal-liġi u b’ton ta’ ftaħir li jagħti l-impressjoni lill-pubbliku, inkluż lill-kollegi tiegħu fil-professjoni, li huwa ‘l fuq mil-liġi u li dak li japplika għal ħaddieħor ma japplikax għalih.”
L-Avukat Daniel Attard kompla jisħaq li “f’dan il-pajjiż Ewropew fejn tirrenja s-saltna tad-dritt, ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi, il-ġustizzja m’għanhda tħares lejn wiċċ ħadd, u kulħadd irid iħallas t’għemilu, mingħajr biża jew favur, u huwa biss meta l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir ma’ kulħadd li titkattar il-fiduċja meħtieġa fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji u jitneħħa kull dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Ġudikatura u ta’ proċessi ġudizzjarji, mhux b’inqas dawk b’mottiv jew indoli manifestament politiċi.”
Dr Daniel Attard tenna li huwa ċar li “għal dawn l-aħħar xhur u anke snin, kien hemm individwi jew soċjetajiet b’interessi politiċi li kjarament qed jużaw l-istituzzjonijiet ġudizzjarji bħala arma sabiex jilħqu l-għanijiet malizzjużi tagħhom billi jesponu u jippubblikaw informazzjoni li f’ċertu każi tkun manipulata, bil-konsegwenza li jitfgħu dell ikrah fuq il-Qrati tagħna u l-proċeduri ġudizzjarji b’mod ġenerali, hekk kif anke rajna riċentament fejn intefa’ dubju serju fuq azzjonijiet allegatament imwettqa minn espert maħtur mill-Qorti.”
F’dan il-kuntest, Dr Daniel Attard jikkonkludi li “…fid-dawl tal-poteri u d-doveri vestiti fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, bħala ċittadin iżda ukoll bħala uffiċjal tal-Qorti, jistenna li l-Kummissjoni tieħu dawk il-passi kollha neċessarji u teżerċita, skont kull liġi, dixxiplina fuq Avukati fit-twettiq tal-professjoni tagħhom sabiex tassigura li l-integrità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji ta’ pajjiżna ma’ tiġix mittiefsa u dan billi kull min ħareġ l-informazzjoni illi l-Avukat Azzopardi jiftaħar illi għandu, u kif ukoll, min kien b’xi mod responsabbli għall-aġir illegali allegatament imwettaq, iwieġeb għal għemilu.”