Friday, December 20, 2024

L-avukat difensur jgħid li l-qtil kien każ leġittimu fejn Maher iddefenda lilu nnifsu

Aqra wkoll

Hekk kif aktar kmieni l-Qorti t’Għawdex kompliet biex tisma’ x-xhieda fil-każ tas-Sirjan Maher Aljasem mixli bil-qtil ta’ Fawaz Najem iddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużat jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Fid-digriet tagħha l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech iddikjarat li fid-dawl tal-provi mressqa fil-konfront tal-imputat, mingħajr ma tiddeċiedi dwar ħtija, jeżistu biżżejjed provi biex huwa jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Taw ix-xhieda tagħhom żewġ Sirjani oħra li kienu jafu lill-vittma. Kazem Abdallah qal li dakinhar tas-7 ta’ Mejju filgħaxija kien Marsalforn jieħu kafe u miegħu kien hemm il-vittma u żewġt irġiel oħra. Żied jgħid li l-vittma beda jirreferi għal ġlieda li seħħet filgħodu bejnu u Maher u qalilhom li jekk jara lil Maher kienu se jispiċċaw ħażin. Qal ukoll li huma ħeġġewh biex ma jmurx ifittxu u li sa dak il-ħin il-vittma kien jidher kalm.  Iżda ftit tal-ħin wara ra lil Fawaz sejjer lejn it-triq ta’ fejn joqgħod Maher u mar biex iżommu. Kompla jixhed li Fawaz ħabbat il-bieb tad-dar ta’ Maher iżda fetaħ xi ħaddieħor. Kazem xehed li Najem talab li jkellem lil Maher u li kif dan feġġ fil-bieb, il-vittma rreaġixxa. Imbagħad Maher ħareġ b’siġġu u t-tnejn li huma daħlu fil-garaxx. Qal li fil-garaxx kienu Fawaz, Maher u hu u li hu żamm lil Maher biex joħroġ lill-imputat. Qal li kien hemmhekk li l-vittma qala’ daqqiet ta’ xi ħaġa taqta’ u bil-ponta. Kazem xehed kif il-vittma mexa waħdu ’l barra sakemm ftit metri bogħod qalilhom li kien midrub u raw il-flokk kollu dmija.

Xehed ukoll Hamdi Suleiman li qal li hu mar fil-ħin li l-vittma kien fl-art u kollu dmija u li talabhom jgħollulu saqajh għax bilkemm felaħ jitkellem. Qal li rikkbuh fil-karozza sakemm miet ftit tal-ħin wara huma u sejrin bih l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

L-avukat tal-imputat Dr Peter Fenech qal li l-vittma u sħabu marru jfittxu lill-klijent tiegħu f’daru u li s’issa l-istess Qorti semgħet kif kien hemm grupp ta’ persuni li marru għalih. Qal li l-Pulizija stess xehdu li sabu lil Maher mimli demm wara li kien aggredit. L-avukat difensur sostna li dan hu każ leġittimu fejn l-imputat iddefenda lilu nnifsu. 

L-avukat li qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma, Franco Debono, argumenta li d-difiża semmiet ħafna biċċiet ta’ provi imma mkien il-kelma raġunijiet. Sostna li dan mhuwiex il-punt li fih il-Qorti tara kienx każ ta’ difiża leġittima jew le.

Ekonomija

Sport