Tuesday, May 14, 2024

Investiment privat ta’ €3 miljun aktar persuni b’diżabilità jkollhom iċ-ċans jgħixu ħajja dinjituża

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret ix-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin fil-bini ta’ dar ġdida għal persuni b’diżabilità, Dar Santa Rosa fil-Mosta, b’investiment mill-privat ta’ €3 miljun, li mistennija titlesta lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Matul iż-żjara l-Ministru Farrugia Portelli qalet li permezz ta’ investimenti privati bħalma hija Dar Santa Rosa aktar persuni b’diżabilità jkollhom iċ-ċans jgħixu ħajja dinjituża. Din id-dar se tkun qed tispeċjalizza s-servizzi tagħha fost it-tfal u addoloxxenti b’diżabilità.

Dar Santa Rosa, flimkien ma’ numru ta’ djar oħrajn, jagħmlu parti minn sensiela ta’ servizzi li HILA Homes Ltd toffri lil persuni b’diżabilità bil-għan li jintlaħqu l-valuri tas-saħħa, l-ugwaljanza, l-inklużività u d-dinjità. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-ħidma konġunta tal-gvern u tal-privat fis-settur tad-diżabilità toffri mhux biss ħajja aħjar lill-persuni b’diżabilità iżda serħan il-moħħ lill-qraba tal-istess persuni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HILA Homes Ltd, Janet Silvio, qalet li Dar Santa Rosa se tkun qiegħda toffri servizzi aktar speċjalizzati minn dawk li diġà huma offruti minnhom.

Il-Ministru Farrugia Portelli żaret ukoll Casa Apap Bologna, li hija mmexxija wkoll minn HILA Homes Ltd. Din id-dar toffri servizzi ta’ kuljum, servizzi ta’ respite għal perjodu qasir u servizzi ta’ respite fit-tul lil adulti u tfal b’diżabilità.

Preżentament f’Casa Apap Bologna jgħixu 24 klijent. Din id-dar għandha wkoll 21 sodda respite b’okkupanza ta’ 85%. Minn dan il-persentaġġ, 6 huma tfal u addoloxxenti u li għandhom bżonn servizz ta’ respite għal tul ta’ żmien.

Oliver Scicluna, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, enfasizza li l-aġenzija hija kommessa li tkompli tiżviluppa servizzi neċessarji bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom. Dan tagħmlu wkoll billi tibni u ssaħħaħ kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħra li jaħdmu fis-settur, waqt li tassigura li s-servizzi mogħtija huma tal-istandard mistenni u li l-pjan ta’ kura personalizzat tal-klijenti jiġi mwettaq u jilħaq il-bżonnijiet tal-persuna.

Oliver Scicluna rringrazzja lid-Diretturi ta’ HILA Homes Ltd tal-kollaborazzjoni li juru fl-implimentazzjoni tal-ftehim li hemm bejn iż-żewġ entitajiet u jħares ‘il quddiem lejn aktar proġetti u ħidma għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabilità.

Flimkien mal-Ministru Julia Farrugia Portelli għaż-żjara kien hemm ukoll preżenti s-Segretarju Permanenti Nancy Caruana.

Sport