Tuesday, May 14, 2024

L-avvanz tar-Russi lejn Kiev kien wieħed minimu

Aqra wkoll

Sorsi fi ħdan is-servizz sigriet Ingliż qalu li l-avvanzi tar-Russja lejn il-kapitali Ukrena Kiev kienu minimi ħafna, filwaqt li fil-preżent il-forzi Ukreni għad għandhom il-kontroll ta’ Kharkiv. L-istess sorsi qalu li hemm numru ta’ bliet oħrajn li jinsabu taħt attakk. 

Jidher li l-forzi Russi għadhom lura ħafna fl-isforz tagħhom biex ineħħu lill-gvern Ukren, liema sforz s’issa ħalla eluf ta’ persuni mejtin u feruti filwaqt li iktar minn miljun persuna diġà ħarbu mill-Ukrajna. Dan kollu seħħ f’perjodu ta’ tmint ijiem, episodju li qiegħed ikun meqjus bħala l-ikbar attakk fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. 

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit, wara li ġie aġġornat mis-servizz sigriet qal li, “il-qawwa ewlenija tal-armata Russa li qiegħda tavvanza lejn Kiev tinsab ’il bogħod iktar minn 30 kilometru miċ-ċentru tal-belt u dawn qed ikunu mxekkla mir-reżistenza Ukrena, ħsarat mekkaniċi u konġestjoni.” Il-Ministeru tenna li, “din l-armata ftit li xejn għamlet progress f’dawn l-aħħar tlett ijiem u minkejja l-ibbumbarjar qalil il-bliet Ukreni ta’ Kharkiv, Chernihiv u Mariupol għadhom f’idejn l-Ukreni.”

Intant fl-aħħar sigħat tħabbar li t-truppi Russi ħadu l-kontroll tal-belt port ta’ Kherson, li tinsab fin-Nofsinhar tal-Ukrajna. Is-Sindku ta’ din il-belt, Igor Kolykhaev, qal li l-forzi Russi daħlu fil-bini tal-kunsill u imponew curfew fuq ir-residenti. Igor qal li talab lit-truppi Russi biex ma jisparawx fuq nies ċivili, filwaqt li tenna li f’din il-belt m’hemmx truppi Ukreni. B’kollox jabitaw fi Kherson hemm 280,000 persuna. 

Fid-dawl ta’ dak kollu li qiegħed iseħħ ġewwa l-Ukajna, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) bdiet investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u anke ġenoċidju li jmorru lura sal-2013.

Sport