…fotografu b’passjoni kbira
“Oqgħod attent kif tkellmu, għax malajr jiksrek. Ma tantx jieħu gost bil-ġurnalisti”. B’din id-dikjarazzjoni jien u l-kollega l-fotografu Victor Attard morna barra l-bini tal-Parlament fil-Palazz tal-Granmastru nistennew lil Dom Mintoff ħiereġ. Kelli nistaqsieh il-ħsieb tiegħu dwar il-pjani tal-gvern Nazzjonalista b’rabta mal-Partnership for Peace. Kont għadni fil-bidu ta’ dan ix-xogħol. It-tensjoni ta’ xi għajta minn Mintoff kienet hemm. Victor induna b’dan. “Issa nkellmu jien għax lilek ma jafekx”.
F’xi ħin wara li saru l-mistoqsijiet Parlamentari, naraw lil Mintoff ħiereġ b’xi nies miegħu. Victor jersaq fuqu u jgħidlu li għandna bżonn kumment. Mintoff jieqaf u jgħidlu ‘fuq x’hiex’. ‘Ersaq ‘lhawn”, kien pront qalli l-fotografu. Mort u għedtlu li xtaqna kumment fuq il-pjani tal-Gvern Nazzjonalista li Malta tissieħeb fil-Partnership for Peace. Mintoff iweġibna minnufih. “Qed nieħu l-antibiotiċi. Hawn il-kurrent hawn. Ejja nidħlu hawn” u ersaqna wara l-kolonna għal kenn.
Il-fotografu Victor Attard kien fix-xift tiegħi għal snin twal. Ħafna xogħol għamilnieh flimkien. L-ewwel coverage kien proprju miegħu. Victor dejjem kien lest li jgħin fejn jista’, biex jgħinek iġġib l-informazzjoni. Hekk għamel meta grupp ta’ immigranti daħlu l-art u nfirxu fl-Aħrax. Kienu Iraqqini. Ma kinux jafu bl-Ingliż. Ridna nistaqsuha x’ġew jagħmlu hawn. U fl-aħħar Victor sabli wieħed li kien jaf bl-Ingliż. “Ejja ‘lhawn, dan jaf xi ħaġa bl-Ingliż”, kien pront beda jgħajjat minn wara siġra hekk kif taħtha kien hemm tlett immigranti bilqiegħda ma’ Pulizia magħhom.
L-avventuri ġurnalisti ma kienu jaqtgħu xejn. Il-mawriet f’Għawdex. Kampanji elettorali. Nibqa’ niftakar il-mawriet fil-Wied tal-Baħrija biex naraw il-famuż Qabru – il-ġranċ tal-ilma ħelu. L-intervisti ma’ anziani li jkunu ġew misruqin.
F’dan kollu x-xogħol tal-fotografu Victor Attard kien jispikka. Kien jidħol fil-biċċa xogħol. Juri l-passjoni tiegħu. “Xi trid eżatt bħala ritratti?”, kien ikun pront jgħidlek, apparti l-famużi ritratti mill-qrib tal-uċuħ tan-nies.
Ma ninsa qatt id-diskursata li kellna daqs sentejn ilu. Meta nitlaqgħu il-kliem kien dejjem ‘kif sejrin?’. ‘Min hemm fotografija llum?”.
Kienet ħasda meta smajt bil-mewt ta’ Victor Attard, fl-età ta’ 82 sena. Victor kien wieħed mill-fotografi li ħadem għal snin twal fil-kamra tal-aħbarijiet dak iż-żmien tal-Union Press. Jibqa’ magħruf li kif tidħol aħbar tarah sejjer lejn il-kamra tal-fotografija u jħejji l-magna.
Jibqa’ mfakkar għar-ritratt li kien ġibed tal-ajruplan tal-linja tal-ajru tal-EgyptAir, b’daħna kbira ħierġa minu wara li kien ġie attakkat minn commandos Eġizzjani waqt il-hijack tal-1985 fl-Ajruport ta’ Ħal Luqa. Dan ir-ritratt baqa’ ikona u li dakinhar tal-ġrajja kien ixxandar mad-dinja kollha.
Victor Attard u x-xogħol ġurnalistiku kien ġie rikonoxxut bir-rebħ tal-Press Photographer of the Year imniedi minn ‘Il-Ħsieb’ u aġġudikat mill-Malta Photographic Society.
