Tuesday, February 17, 2026

‘L-avversarji tiegħek mhumiex l-għedewwa tiegħek’ – Fr Bernard Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Saċerdoti magħqudin fit-talb u fl-isport. Din hi l-esperjenza tal-Kampjonati Ewropej tal-Futsal tas-Saċerdoti Kattoliċi, li għall-ewwel darba kien hemm ukoll tim Malti jieħu sehem fihom. B’kollox kien hemm madwar 250 saċerdot jirrapreżentaw 18-il pajjiż differenti, u din kienet it-18-il edizzjoni ta’ dawn il-kampjonati li bdew fl-2005.

Minn min kien magħmul it-tim Malti?

It-tim Malti kien magħmul minn disa’ saċerdoti – Fr Bernard Micallef, Fr Matthew Pulis, Fr Daniel Cardona, Fr Marco Portelli, Fr Sergio Fenech, Fr Josef Mifsud, Fr Peter Tembo, Fr Fidelis Iroka u Fr Kenneth Anona. Fr Peter huwa miż-Żambja, u Fr Fidelis u Fr Kenneth huma min-Niġerja, u bħalissa qegħdin jistudjaw it-Teoloġija fl-Università ta’ Malta kif ukoll jagħtu s-servizz saċerdotali tagħhom fl-Arċidjoċesi tagħna. Kienet l-ewwel esperjenza għas-saċerdoti tat-tim Malti fil-logħba tal-Futsal, u għalkemm bdew jiltaqgħu minn xharejn qabel biex jipprattikaw, xorta jammettu li ma kienetx faċli biex jadattaw għal-logħob u r-regoli ta’ din il-logħba.

Kif kien il-format tal-kampjonat u x’kienu r-riżultati?

Din is-sena il-kampjonati saru fl-Lublin, fil-Polonja, bejn id-9 u t-13 ta’ Frar u bdew b’quddiesa ġewwa l-Katidral ta’ Lublin, immexxija mill-Arċisqof Stanislaw Bubzik bis-sehem tal-partecipanti kollha. Kull jum kien jibda b’quddiesa fi knisja differenti. It-Tlieta saru l-logħob fi gruppi, b’żewġ gruppi ta’ ħames timijiet u tnejn oħra b’erbgħa timijiet. Malta kienet fi grupp Ċ, magħmul ukoll mill-Kroazja, l-Portugall u s-Slovenja. Dan kien wisq probabli l-itqal grupp, fejn fil-fatt il-Kroazja u l-Portugall spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament fil-klassifika finali. Kull grupp lagħab f’gym għalih, bi Grupp Ċ jkollu l-logħob tiegħu fil-gym tal-Università tat-Teknoloġija ta’ Lublin. Malta tilfu 10-0 kontra l-Portugall u 11-1 kontra l-Kroazja, bl-uniku gowl Malti jkun skurjat minn Fr Peter. L-aħħar logħba tal-grupp spiċċat 4-0 għall-Isloveni. Minn hawn il-Maltin għaddew għal play-offs, fejn lagħbu kontra l-Italja u wara logħba kombattuta, b’Malta jaħbtulhom żewġ xuttijiet mal-lasta, tilfu bl-iskor ta’ 1-0.

Fil-logħob kien jidher ċar id-differenza bejn it-timijiet differenti. Kien hemm timijiet li ilhom snin jilgħabu flimkien, u oħrajn inqas. Kien hemm timijiet li kellhom staff tekniku sħiħ magħhom, oħrajn b’kowċ wieħed jew saħansitra xejn.

Il-Ħamis it-timijiet kollha lagħbu għall-klassifika finali. Il-Maltin kienu qed jilgħabu għall-ħmistax-il post kontra l-Każakhstan, u wara li l-logħba spiċċat 1-1, b’gowl minn Fr Bernard, huma tilfu wara l-għoti tal-penalties. B’hekk Malta spiċċaw fis-sittax-il post. Kienet ġurnata twila ta’ logħob fil-gym tal-Università tal-Mediċina ta’ Lublin, bl-aħħar logħba tkun il-finali bejn il-Kroazja u l-ospitanti l-Polonja. Dawn tal-aħħar rebħu bl-iskor ta’ 2-0, għall-ferħ tal-pubbliku numeruż preżenti.

Wara, t-timijiet inġabru kollha flimkien għall-aħħar ikla, bit-tim Pollakk bit-trofew ħdejh, bid-daqq ta’ mużika minn pajjiżi differenti li għenet biex tkompli ssebbaħ l-atmosfera.

Kif kien l-ambjent tal-kampjonat?

Kien ċar li ħafna mis-saċerdoti kienu jafu diġa lil xulxin. Sena wara sena, kull meta jiltaqgħu, jerġgħu jgħixu daż-żmien sabiħ flimkien.  Fil-logħob kien jidher li hemm ambjent kompetittiv; timijiet li sena wara oħra jisfidaw lil xulxin b’intensità kbira. Kull tim ried jerbaħ u jagħti l-aħjar li jista, xi kultant b’tackles bis-saħħa u mumenti fejn jinqala xi argument. Pero mill-ewwel ikun hemm ftehim, il-logħba tibqa għaddejja, mingħajr ħafna paroli żejjed jew kliem ħażin. Il-logħob importanti, imma kulħadd jara l-kuntest usa’. Logħba hi importanti; tkun ħdimt u ppreparajt ħafna għaliha, imma l-ħbiberija hi ikbar. Hawnhekk fejn toħroġ il-fraternità li hemm bejn il-plejers, u tiftakar li fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll saċerdoti.  

Mumenti sbieħ kienu kemm il-quddiesa li kien ikolna kull filgħodu, u anke l- ħinijiet ta’ filgħaxija flimkien, fejn wara l-ikel konna nintefgħu nkantaw kanzunetti tal-pajjiżi tagħna, u min jiżfen xi żifna wkoll. Apparti dan, kelna ħafna konverżazzjonijiet interesanti, fejn tara r-realtajiet tal-pajjiżi, tal-Knisja, u kif kulħadd jgħix ir-realtà tiegħu. Tibqa’ f’moħħi d-diskursata li kelli ma’ saċerdot mill-Ukrajna, jirrakkonta fuq kif affetwatu l-gwerra u kif hu bħala saċerdot ta s-sapport spiritwali lill-komunità tiegħu u anke billi kien jagħmel 1,200km kuljum biex joħroġ in-nies il’ barra miż-żona milquta.

L-isport kapaċi jikreja spazju għal laqgħat qawwija. Dan hu l-ambjent li kien hemm.

Xl-aktar li laqtek?

Ma’ dawn l-affarijiet kollha li semmejt, laqtitni wkoll il-frażi li qal l-Arċisqof Stanislaw fil-quddiesa tal-ftuħ: “L-avversarji tiegħek m’humiex l-għedewwa tiegħek.” Waqt logħba jew tellieqa, aħna avversarji, fejn it-tnejn jew aktar li aħna se nippruvaw nerbħu. Dan hu l-qofol ta’ sport. Pero jien ma rridx inkisrek, nerbaħlek akkost ta’ kollox, u wara nibqa nara kif se npattihilek jew nibqa nobgħodok. L-isport irrid ngħixu b’rispett u li nagħraf li jien għandi bżonnok biex insir aħjar, kemm bħala atleta u fuq kollox bħala persuna. Hawn hi d-differenza bejn kompetizzjoni u pika – kompetizzjoni tapprezza u tara s-sabiħ fl-ieħor, pika tara biss kif se terbaħ hi, x’jaqbel biss lilha, u taljenani minn dak li hu vera sport.

Minn din inħares lejn xi ħaġa oħra li laqtitni, li xi ftit semmejta qabel. Wara telfa jew rebħa, kull plejer kien idur fuq l-avversarju u jgħidlu ‘proset, grazzi ta’ din il-logħba’. Flimkien tajna ċans lil xulxin biex nilgħabu, flimkien kbirna, tgħallimna, ħadna gost naqsmu t-talent li Alla tana.

Kemm ikun sabiħ li kieku kull sportiv jgħix l-isport tiegħu jew tagħha b’dan il-mod. Ħafna jagħmluha, pero sfortunatament mhux kulħadd.

Il-pass li jmiss

Bħala tim ġejna lura bil-ħeġġa li nkomplu nibnu fuq dak li bdejna, nittrenjaw aktar flimkien, bit-tama wkoll li nkomplu nkabru t-tim u jkolna aktar ċans li nilgħabu flimkien, possibilment anke ma’ timijiet oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport