Thursday, November 28, 2024

L-Awditur Ġenerali juri tħassib dwar il-proċess ta’ negozjar bejn il-Gvern u VGH

Aqra wkoll

“L-NAO huwa mħasseb dwar il-proċess ta’ negozjar bejn il-Gvern u l-VGH, liema proċess baqa’ mistur minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni miżmuma u perspettivi konfliġġenti ta’ dawk involuti.  Iktar gravi kien in-nuqqas tar-rappreżentanti tal-Gvern milli jitħaddtu ma’ partijiet li kellhom interess kritiku fil-proġett. Dan wassal biex il-konċessjoni falliet milli tilħaq l-għanijiet tagħha, kemm fit-titjib tal-infrastruttura tas-saħħa u kemm fil-klassifikazzjoni tal-konċessjoni, bin-nefqa kapitali tal-VGH fuq il-proġett reġistrat fuq il-kotba tal-Gvern.”

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali iddikjara dan f’rapport li ħareġ wara li kien  mitlub mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jivverifika l-konċessjoni mogħtija mill-Gvern lill-Vitals Global Healthcare Ltd (VGH) b’rabta mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech. 

L-awditur ġenerali qal li fl-ewwel parti tal-verifika, ippublikata f’Lulju tal-2020,  ħares lejn il-proċess ta’ akkwist li wassal għall-għotja tal-konċessjoni lill-VGH. Din il-parti tal-verifika tħares lejn in-negozjati li wasslu għad-dħul fil-konċessjoni, il-qafas kuntrattwali u l-implimentazzjoni tiegħu sat-trasferiment lil Steward Health Care. It-tielet parti, li għad trid tiġi indirizzata, tittratta t-trasferiment lil Steward Health Care. 

Qal li d-dikotomija li tikkaratterizza dan il-proġett, bid-diviżjoni tal-enerġija fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa tieħu ħsieb l-investiment kapitali u d-diviżjoni tas-Saħħa fi ħdan l-istess Ministeru inkarigata bit-tmexxija operattiva, ħolqot kuntest ideali biex il-VGH tisfrutta d-djgħufijiet tal-Gvern. Din wasslet għall-konċessjoni li ma setgħetx titwettaq, li baqgħet sfida impossibbli u sitwazzjoni irriparabbli għall-Gvern, li d-djgħufija amministrattiva u politika tiegħu ġiet sfruttata b’mod faċli mill-VGH. 

L-ebda mill-miri tal-konċessjoni ma ntlaħqet fil-perjodu li fih il-konċessjoni kienet taħt il-kontroll tal- VGH. In-nuqqas ta’ ħila tal-VGH li tassigura finanzjament kien il-qofol tal-fallimenti kollha sussegwenti ta’ din il-konċessjoni min-naħa tal-Gvern. Il-wegħdiet kollha tal-VGH dwar it-titjib mistenni fl-infrastruttura u s-servizzi ma setgħux jintlaħqu minħabba dan in-nuqqas. L-approvazzjoni tal-Gvern tad-difetti evidenti tal-VGH weriet nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern. F’dan il-każ, ir-rappreżentanti tal-Gvern, minn wara dahar il-Kabinett, approvaw diversi waivers għall-bżonn li jingħata l-finanzjament, u b’hekk komplew isostnu l-falliment li din il-konċessjoni ġiet tirrappreżenta. 

Ir-rapport tal-awdituri qal li “għalkemm il-Gvern fassal is-servizzi tas-saħħa li kellhom jiġu pprovduti mill-konċessjoni permezz tal-Health Services Delivery Agreement, dawn malajr inbidlu. It-tibdiliet kienu konsistentament negattivi għall-Gvern, bi tnaqqis sinifikanti fis-servizzi li kellhom jiġu pprovduti mill-VGH mingħajr ebda bidla fil-kumpens dovut u żieda fin-numru ta’ sodod garantiti għall-użu mill-Gvern flimkien ma’ żieda korrispondenti fl-ammont pagabbli lill-VGH.  Il-Labour Supply Agreement stipula li l-impjegati tal-Gvern li kienu se jiġu mislufa lill-VGH taħt dan il-ftehim kellhom ikomplu jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-uffiċjali pubbliċi. Madankollu, evidenti għall-NAO fil-verifika tiegħu ta’ dan il-ftehim kien in-nuqqas ta’ tħejjija min-naħa tal-Gvern għal din il-konċessjoni. L-aktar li deher dan in-nuqqas kien fir-rigward tad-diskrepanza bejn ir-riżorsi allokati lill-VGH mill-Gvern u l-ħlas li kellu jiġi rkuprat. Id-diskrepanza li nħolqot tħallset minn fondi pubbliċi.”

L-awditur qal li “wasal għall-fehma li l-ebda valutazzjoni tas-siti ma saret mill-Gvern qabel it-trasferiment tagħhom permezz tal-Emphyteutical Deed. L-NAO huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn il-perjodu tal-konċessjoni ta’ 30 sena u t-titolu potenzjali ta’ 99 sena mogħti fuq is-siti u jekk il-Gvern hux se jilħaq l-benefiċċji ekonomiċi previsti permezz ta’ użu kontinwu għat-turiżmu mediku.  Konrad Mizzi ma laqax id-diversi talbiet għal-laqgħat li sarulu mill-NAO. Il-gravità ta’ dan in-nuqqas kien evidenti fir-rapport tal-NAO minħabba r-rwol ċentrali li kellu l-Onor. Mizzi f’din il-konċessjoni. In-nuqqas tiegħu li jattendi għad-diversi talbiet li saru mill-NAO kien meqjus bħala falliment serju f’dak li għandu x’jaqsam mal-livell ta’ responsabiltà mistenni minn eks-ministru tal- Gvern u f’dak li għandu x’jaqsam mal-istandard ta’ governanza tajba li kellu jikkaratterizza proġett materjali u importanti għas-servizzi tas-saħħa nazzjonali daqskemm kien dan.“

Sport