Il-ħidma ewlenija tal-Awtorità tad-Djar se tkun iffukata sabiex jitħares il-kunċett ta’ Affordabbiltà u se tkun awtorità li mhux biss tisma’ iżda wkoll li toffri soluzzjonijiet. Din hija l-viżjoni tal-Awtorità tad-Djar għall-ġejjieni kif imfissra minn Matthew Zerafa li għadu kif inħatar Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità.
Matthew Zerafa studja u ggradwa fir-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Psikoloġija fl-Università ta’ Malta. Fl-Ingilterra, huwa ggradwa wkoll Masters fl-Intelliġenza u s-Sigurtà fejn speċjalizza fuq l-infurzar fl-Entitajiet Pubbliċi f’pajjiżna.
F’intervista ma’ dan is-sit, Zerafa rrefera għall-ħidma li wettaq il-predeċessur tiegħu, Leonid McKay u fissru bħala bniedem ġust u validi u li l-ideat u l-istrutturar li ħadem għalihom huma ta’ min ifaħħarhom.
Filwaqt li stqarr li huwa se jkompli jibni fuq dak li għamel qablu Leonid McKay, qal li l-ħidma biex ikun imħares il-kunċett ta’ affordabilità se tkun fuq tliet pilastri; it-tisħiħ tal-infurzar biex jinqatgħu l-abbużi, kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra konċernati u li l-Awtorità mhux biss tisma imma wkoll taġixxi u toffri soluzzjonijiet.
Dwar l-iskema tal-Equity Sharing li kienet introdotta fl-2019 inizjalment għal persuni ta’ ‘l fuq minn 40 sena li l-assi tagħhom huma limitati, Zerafa sostna li ċertu sfidi ta’ affordabilità li kienu prevalenti iżjed fost kategoriji ta’ età aktar avvanzata bdew jinħassu wkoll f’kategoriji ta’ età iżgħar.
Kien għalhekk li matul din is-sena l-iskema ġiet estiża għal persuni minn 30 sena ‘il fuq fejn 14-il familja f’din il-kategorija diġà ffirmaw konvenju biex jixtru residenza. L-Equity Sharing Plus hija s-soluzzjoni li qed tagħti għażla u aċċess lil aktar nies u familji biex isiru sidien ta’ darhom.
Dwar il-lista ta’ stennija Zerafa qal li l-iktar fattur li ħalla impatt fuq il-lista ta’ stennija kienet il-prevenzjoni li qed issir permezz ta’ diversi skemi li l-Awtorità tad-Djar qed tħaddem u li bihom mijiet ta’ persuni qed jingħataw l-imbuttatura biex ma jaqgħux fil-lista ta’ stennija.
Fost dawn huwa semma li r-riġenerazzjoni ta’ djar battala tpoġġiet bħala prijorita biex setgħu jinħolqu għexieren ta’ soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni adegwata fil-qalba tal-irħula.
Minbarra dan, ftit xhur ilu sar studju biex ġew mifhuma aħjar l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tal-persuni li kienu fil-lista ta’ stennija. Dan l-istudju kien strumentali biex tfasslu soluzzjonijiet speċjalizzati li mhux biss taw sostenn imma xprunaw il-mobiltà soċjali.
Zerafa huwa tal-fehma li l-lista ta’ stennija ma tonqosx biss bil-bini ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali imma permezz ta’ sistema ħolistika li tipprevjeni li aktar nies ikollhom bżonn akkomodazzjoni pprovduta mill-Gvern.
Ġiet imsaħħa wkoll it-taqsima tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità tad-Djar u fi żmien erba’ snin ġew irkuprati madwar 390 ċavetta. Flimkien mal-infurzar qed isir moniteraġġ kostanti kemm tal-applikanti u kif ukoll tal-benefiċjarji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tkellem ukoll dwar skemi oħra li qed toffri l-Awtorità u qal li apparti l-iskema tal-Equity Sharing hemm ukoll l-iskema ta’ depożitu tal-10% li wkoll qed tagħti imbuttatura kruċjali biex fost oħrajn, diversi żgħażagħ iwettqu l-ħolma tagħhom u jsiru sid ta’ darhom għall-ewwel darba.
Inċentiv li se jiddaħal mis-sena d-dieħla huwa l-għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin lill-first-time buyers kollha li jkunu xtraw proprjeta wara l-1 ta’ Jannar 2022. Din l-iskema wkoll se tagħti nifs importanti u tinkoragixxi biex aktar persuni jwettqu l-pass kruċjali li jsiru sidien ta’ darhom. L-iskema tas-Self Soċjali ukoll għenet għexieren ta’ persuni biex jixtru l-proprjeta tagħhom.
Fl-2019 ġie introdott il-benefiċċju tal-kera u mis-sena li ġejja, kif tħabbar fil-budget, dan il-benefiċċju se jiġi msaħħaħ biex ikompli jgħin aktar persuni jgħixu ħajja diċenti.
Fir-rigward ta’ żgumbramenti, Zerafa qal li huwa l-Bord li Jirregola l-Kera biss li għandu s-setgħa li jordna żgumbrament u l-aċċess tas-sid huwa wkoll regolat mill-Qorti skont il-liġijiet ċivili viġenti u l-kundizzjonijiet kuntrattwali li jeżistu bejn il-partijiet.
F’każijiet rari fejn l-inkwilini jiġu żgumbrati minħabba t-telf ta’ protezzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-emendi fil-liġi, l-Awtorità tad-Djar qed toffri akkomodazzjoni alternattiva lill-inkwilini.
Irrefera wkoll għar-restawr ta’ bini antik minflok bini residenzjali ġdid u semma kif l-Awtorità tad-Djar tippromwovi r-restawr ta’ bini battal. Dan tagħmlu permezz ta’ skema fejn sidien ta’ residenzi li ilhom battala għal mill-inqas sena jingħataw sa massimu ta’ €25,000 biex jirrestawraw ir-residenza u wara jikruha lill-Awtorità tad-Djar għal 10 snin li fihom ikollhom dħul garantit.
Fi sfond tal-kostruzzjoni li għaddejja fil-pajjiż u kif din iċ-ċirkostanza se tinfluwenza l-prezz tal-bini, il-Kap Eżekuttiv qal li l-prezz jiddependi fuq id-domanda u l-provvista.
“Biżżejjed nifhmu li l-popolazzjoni qed tikber u wieħed irid iħares lejn il-faxex kollha tas-soċjetà u x’tip ta’ bini hemm bżonn skont kif tkun magħmula familja. Għalhekk iż-żieda fil-provvista hija mportanti biex jintlaħaq bilanċ mad-domanda. Hija mportanti wkoll x’direzzjoni jieħu il-pajjiż u kif ukoll l-analiżi tad-data biex isiru l-pjanijiet għall-quddiem”.
Dwar l-iskema msejħa New Hope Guarantee, Mattheew Zerafa sostna li din l-iskema mhix polza tal-assikurazzjoni iżda sigurtà alternattiva lill-Banek biex is-self ikun jista’ jingħata mingħajr riskju fuq il-qraba tal-benefiċjarju.
Fisser li l-Gvern qed joffri garanzija li tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li tista’ tintuża biss għal skop ta’ residenzja primarja. F’każ li persuna tiġi rifjutata assikurazzjoni mingħand żewġ kumpaniji differenti jew ikollha applikazzjoni posposta għal 12-il xahar; jew tingħata kwotazzjoni bi premium esaġerat, dik il-persuna tista’ tapplika għal din il-garanzija temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.