L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qed tħabbar li l-iskema Irrinova Darek se tiġi estiża sal-15 ta’ Settembru 2025. Dan wara li l-Gvern żied il-fondi disponibbli sabiex aktar familji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-inizjattiva.
L-iskema Irrinova Darek li fetħet fit-23 ta’ Lulju kienet suċċess kbir, b’numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet u interess qawwi minn sidien ta’ djar fir-reġjun tat-Tramuntana. Il-fondi addizzjonali se jippermettu lill-Awtorità tilqa’ aktar talbiet u tkompli tħeġġeġ l-irrinovar ta’ djar b’mod sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, qal li “Din l-iskema wriet kemm is-sidien tad-djar huma lesti jinvestu fid-djar tagħhom meta jingħataw l-appoġġ meħtieġ. Bl-estensjoni ta’ ġimagħtejn oħra, nistgħu nilħqu aktar familji u nkomplu nsaħħu l-kwalità tal-bini fil-pajjiż.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tenna li “l-Gvern impenja ruħu biex jappoġġja lill-familji Maltin u Għawdxin biex jagħmlu l-proprjetà tagħhom aktar sostenibbli. L-estensjoni tal-iSkema hija prova ċara ta’ dan l-impenn.”
Il-BCA ħeġġet lil dawk kollha interessati biex japplikaw sabiex jibbenefikaw minn din l-estensjoni limitata sal-15 ta’ Settembru. Aktar dettalji dwar l-iSkema u fejn wieħed jista’ japplika jinstabu fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità www.bca.gov.mt.
Din l-iSkema kienet diġà ġiet introdotta fl-2022 għar-residenti tar-Reġjun tal-Port, u din is-sena qed tiġi estiża għar-Reġjun tat-Tramuntana li jinkludi; Ħ’Attard, Ħal Balzan, in-Naxxar, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imtarfa, San Ġwann, San Pawl il-Baħar. Skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, l-għan hu li matul is-snin li ġejjin, l-iSkema titqassam ukoll għar-Reġjuni ta’ Nofsinhar, Lvant, Punent u Għawdex.