L-Awtorità tal-Ippjanar bdiet azzjoni diretta biex jitneħħa l-iżvilupp illegali biswit il-klabb tal-boċċi f’Tal-Pietà li jinsab f’żona skedata fi Grad 1.
L-illegalitajiet huma suġġetti għal bosta avviżi ta’ infurzar u jikkonsistu fi skavi u estensjonijiet mhux awtorizzati mal-bini eżistenti f’partijiet tal-glacis militari li huwa skedat.
Is-sid li wettaq l-illegalità mhux biss injora l-avviżi u t-twissijiet ta’ infurzar tal-Awtorità, iżda saħansitra wettaq aktar żvilupp. Għaldaqstant, l-Awtorità kellha tidħol biex twettaq azzjoni diretta sabiex tneħħi l-illegalitajiet, spejjeż kollha għas-sid.
Qabel l-operazzjoni, l-Awtorità għamlet kuntatt mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali (SCH) biex tiżgura li x-xogħlijiet ta’ azzjoni diretta qegħdin isiru b’mod li ma jsirx aktar ħsara fiż-żona skedata. Minħabba s-sensittività tal-operazzjoni u l-aċċess diffiċli għas-sit, il-maġġorparti tat-tneħħija tal-iżvilupp illegali qiegħed isir manwalment.
L-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tkun assistita minn membri tal-Korp tal-Pulizija.