Il-ħidma tal-Awtorita tal-Ippjanar biex twaqqaf illegalitajiet f’żoni ‘l barra minn dawk tal-iżvilupp issoktat tant li fil-ġimgħat li għaddew għalqet numru ta’ każi ta’ żvulupp illegali f’diversi nħawi madwar il-gżejjer Maltin.
L-illegalitajiet li twaqqfu mid-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar kienu jvarjaw minn kmamar mibnija f’żoni li huma barra miż-żoni ta’ żvilupp (ODZ), tqegħid ta’ kabini u strutturi oħra, u r-rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni u materjal skreppjat.
Fiż-żona arkeoloġikament sensittiva ta’ Għar il-Kbir, fil-limiti tas-Siġġiewi, medda ta’ art b’raddi preistoriċi fuqha reġgħet ġiet mikxufa u nġabet lura għall-istat oriġinali tagħha wara li kien inbena passaġġ illegali tal-konkos.
Il-proċess ta’ tneħħija tal-materjal kien issorveljat mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali , u l-ispejjeż involuti kienu kollha għal min kiser il-liġi.
Fost l-illegalitajiet kien hemm għadd ta’ kmamar li nbnew f’żoni ODZ, mingħajr permess ta’ żvilupp, fi Triq Wied ta’ San Martin f’Ħ’Attard, fi Triq il-Fortizza Ta’ Bengħajsa f’Birżebbuġa, u f’żona magħrufa bħala Ta’ Reħba f’sit maġenb il-ġibjun kbir ta’ Ħad-Dingli, twaqqgħu kollha u s-siti treġġgħu lura għal skopijiet agrikoli.
Fl-Imġarr Malta, tliet siti ġew imnaddfa minn kull żvilupp illegali li kien fihom. F’sit fi Sqaq Randun, twaqqgħu u tneħħew kamra u strutturi oħra li nbnew fuq il-post mingħajr ebda permess ta’ żvilupp.
F’għalqa fi Triq l-Armaġġ u fiż-Żebbiegħ tneħħew żewġ strutturi ta’ kabini li tpoġġew mingħajr permess, filwaqt li f’sit f’Wied Tal-Imsielet, is-sid mexa mad-direzzjonijiet tal-uffiċjali tal-infurzar u neħħa r-rimi illegali ta’ materjal tal-kostruzzjoni u skart ieħor.
F’Birżebbuġa, fi Triq Ħal Far u Triq Kalafrana, ġew imnaddaf għal kollox għalqa li bdiet tintuża bħala boatyard, u għalqa fejn materjal tal-kostruzzjoni u skart ieħor kien intefa’ illegalment, rispettivament. Bl-istess mod, f’sit f’Għajn Tuffieħa, fil-Mellieħa, tankijiet taż-żejt u materjal ieħor li kienu qed jinħażnu mingħajr permess tneħħew mis-sidien fuq ordnijiet tal-uffiċjali tal-infurzar.
F’Għawdex, f’sit fi Triq l-Għarb, l-Għasri, u fi Triq Ta’ Sannat, ix-Xewkija, strutturi illegali, waħda li kienet tinkludi kamra kbira fuq pjattaforma tal-konkos, u strutturi li kienu jintużaw bħala gaġeġ għall-annimali, ġew imwaqqgħin u s-siti reġgħu lura għall-istat oriġinali tagħhom.
Thomas Paris, li għadu kif ġie maħtur viċi Direttur fi ħdan id-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar, innota li l-funzjoni ta’ infurzar tal-Awtorità qatt mhi faċli filwaqt li uffiċjali tad-Direttorat jridu jiffaċċjaw sitwazzjonijiet u nies differenti.
Huwa rrimarka wkoll li meta s-sidien li jiksru l-liġi jieħdu azzjoni huma stess biex ineħħu l-iżvilupp illegali, hija l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd.
Ta’ min jgħid li s-sena li għaddiet, ġew identifikati boista żviluppi illegali u l-Awtorità għalqet 47% tal-każijiet permezz tal-persważjoni.