Saturday, April 20, 2024

L-Awtorità tal-Ippjanar ordnat l-għeluq ta’ impjant tal-konkos illegali

Aqra wkoll

Wara li l-ġimgħa l-oħra d-Direttorat tal-Infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar ħa passi u għalaq diversi siti li fuqhom kien ittella bini llegali, fil-jiem li għaddew l-istess Direttorat ornda li jiġi żarmat u magħluq impjant illegali li fiħ kien qed jinħadem il-konkos fuq art agrikola verġni.

Dan is-sit, li hu art agrikola verġni, jinsab fil-post magħruf bħala il-Palma fil-limiti tal-Imġarr u kien ilu għal din l-aħħar sena jservi mhux biss għall-produzzjoni tal-konkos imma wkoll kien qed jintuża għall-ipparkjar ta’ inġenji kbar li jintużaw fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Fil-fatt, minkejja l-ordni ta’ infurzar, is-sid ta’ dan l-impjant kien daħħal applikazzjoni għall-iżvilupp tal-istess sit sabiex jissanzjona l-impjant u dak kollu li kien qed isir fiħ. L-Awtorità tal-Ippjanar iżda kienet irrifjutat l-applikazzjoni fit-30 ta’ April 2021.

Min-notifika ta’ infurzar mill-Ispettur tad-Direttorat irriżulta li l-illegalitajiet  mhux biss baqgħu jsiru imma wkoll s-sit kien qed jiġi estiż u jikber iktar.

L-illegalijiet misjuba jinkludu skavar u strutturi bla permess. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Awtorita tal-Ippjanar immultat lis-sid somma għal kull jum li jgħaddi u li s’issa diġà akkumulat għal €18,000.

Sport