Saturday, May 4, 2024

L-Awtorità tal-Ippjanar tnaqqas b’35,000 metru kwadru l-ispazju għal żvilupp minflok il-Lukanda Jerma

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Ippjanar naqqset b’35,000 metru kwadru ż-żona tal-art li tista’ tiġi żviluppata fuq is-sit ta’ fejn kienet tinsab il-Lukanda Jerma f’Marsaskala.

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li dan ġie deċiż wara li rrevediet il-kummetni li saru matul l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan ta’ żvilupp għaż-żona.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar se twassal biex l-art assenjata għall-iżvilupp se tkun qed titnaqqas minn massimu ta’ 100,000 metru kwadru għal 60,000 metru kwadru.

Fl-2018 kienet ġiet sottomessa applikazzjoni għal żvilupp ta’ lukanda ta’ 15-il sular, 166 appartament lussuż, parkeġġ taħt l-art, business centre, kappella pubblika, u lido.

L-Awtorità qalet li s-sit li jifforma parti mill-pjan propost ġie maqsum f’erba’ żoni. Żona A tkopri s-sit li fuqha nbniet il-Lukanda Jerma fis-snin 80, u li tammonta għal 33% tas-sit kumplessiv. F’din iż-żona jista’ jiġi kkunsidrat bini li ma jaqbiżx it-32 metru, li jammonta għal tmien sulari, ta’ għoli mil-livell tal-baħar.

Żona B, li tinkorpora ż-żona ta’ max-xatt, se tkun qed tinżamm fl-istat naturali tagħha bl-ebda żvilupp mhu se jkun qed isir fuqha u li trid tibqa’ miftuħa għall-aċċess tal-pubbliku. Din iż-żona tkopri 35% tas-sit.

Żona Ċ tinkludi t-Torri ta’ San Tumas, u tkopri 26% tas-sit. Il-pjan jinkludi r-restawr tat-torri bil-għan li jintuża għal skopijiet pubbliċi fil-futur, u r-rijabilitazzjoni tal-foss li għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku.

L-aħħar żona tkoprit-toroq pubbliċi li jiżguraw aċċess għal proprjetajiet privati barra miż-żona indikata.

Sport