L-awtoritajiet tas-saħħa qed jinvestigaw erba’ każijiet ta’ Hepatitis tat-tip A assoċjati ma’ stabbiliment tal-ikel f’Malta

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tas-saħħa pubblika qed jinvestigaw erba’ każijiet ta’ Hepatitis tat-tip A, assoċjati ma’ stabbiliment tal-ikel f’Malta. L-investigazzjonijiet u t-traċċar tal-kuntatti għadhom għaddejjin u qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa tas-saħħa pubblika.

Il-Hepatitis A hija infezzjoni virali li tikkawża infjammazzjoni tal-fwied. Is-sintomi jistgħu jinkludu deni, għeja, nuqqas ta’ aptit, dardir, rimettar, skumdità, awrina skura, ippurgar ċar u sfurija tal-ġilda jew tal-għajnejn (suffejra). 

Il-pubbliku li għamel konsum minn Deli & Co, li jinsab f’Ħal Qormi, bejn is-17 u l-25 ta’ Ġunju 2026, huwa avżat biex jibqa’ attent għal sintomi tal-Hepatitis A kif deskritti hawn fuq sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Awwissu 2026, minħabba l-perjodu tal-infezzjoni.

Persuni li kielu ikel minn dan l-istabbiliment matul dak il-perjodu speċifikat u qed jiżviluppaw xi sintomi, huma avżati biex jikkuntattjaw lill-Infectious Disease Prevention and Control Unit fi ħdan id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fuq in-numri 23266161, 23266104 jew 23266119, bejn it-8:00am u t-3:30pm.

Is-sintomi normalment jiżviluppaw madwar erba’ ġimgħat wara l-infezzjoni, għalkemm il-perjodu jista’ jvarja bejn wieħed u ieħor minn 15 sa 50 jum. Kull min kiel ikel mill-istabbiliment matul il-perjodu indikat hawn fuq u jiżviluppa sintomi kompatibbli mal-Hepatitis A huwa avżat biex ifittex parir mediku u jinforma lill-professjonist tas-saħħa tiegħu dwar l-espożizzjoni possibbli. Għal kwalunkwe parir mediku urġenti, ikkuntattja s-servizz tat-telemediċina fuq 21231231.

L-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika qed ikomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jinvestigaw il-każijiet identifikati.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport