Il-Kabinett japprova trasferiment ta’ art ġdida lill-Malta Basketball Association biex l-atleti jgawdu minn iktar faċilitajiet sportivi

Aqra wkoll

Art biswit il-Padiljun Sportiv f’Ta’ Qali se tgħaddi għand il-Malta Basketball Association biex fuqha jiġu żviluppati faċilitajiet sportivi ġodda.

Din id-deċiżjoni tal-Kabinett tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa f’Kastilja mal-kategoriji differenti tat-timijiet nazzjonali tal-basketball li kollha għamlu suċċess storiku fil-Kampjonati Ewropej rispettivi tal-aħħar ftit ġimgħat.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, il-Prim Ministru ta rikonoxximent lill-atleti u l-istaff tekniku tat-timijiet nazzjonali tal-irġiel u n-nisa li t-tnejn rebħu l-Kampjonati Ewropej għall-Pajjiżi ż-Żgħar, kif ukoll lit-tim nazzjonali tat-tfajliet U18s u l-U16s li rebħu l-Kampjonati Ewropej rispettivi (Diviżjoni Ċ), u t-tim nazzjonali tal-ġuvintur U16 li ġie fit-tieni post tal-Kampjonat Ewropew (Diviżjoni Ċ). 

Dr Abela qal li din hija konferma ta’ kemm l-investiment fit-talent tal-atleti jagħti riżultati eċċezzjonali li jagħmlu lil pajjiżna tant kburi.

Il-Prim Ministru semma kif, sa mill-ewwel ġranet tiegħu, dan il-Gvern ta direzzjoni ċara li l-isport irid ikun fl-ogħla livell tal-prioritajiet tal-pajjiż.

Spjega kif inbidlet il-kultura li kienet teżisti f’pajjiżna u ż-żgħażagħ illum saru jemmnu li l-isport jista’ joħloq karriera. Dan il-progress sar fost oħrajn bit-titjib fl-infrastruttura sportiva, kemm fid-dixxiplini tradizzjonalment meqjusa bħala kbar, kif ukoll fid-dixxiplini kkunsidrati bħala iżgħar f’livell ta’ parteċipazzjoni.

Kien hawnhekk li Dr Abela ħabbar li, din il-ġimgħa stess, il-Kabinett tal-Ministri ddeċieda li jkompli jinvesti fil-basketball, permezz tat-trasferiment ta’ art ġdida biswit il-Padiljun eżistenti, biex il-Malta Basketball Association tkun tista’ ssaħħaħ il-faċilitajiet sportivi minn fejn l-atleti jkunu jistgħu jagħmlu l-qabża li jmiss.

“Nieħdu dawn id-deċiżjonijiet għax konvinti li dan il-pajjiż għandu atleti li huma kompetittivi internazzjonalment. Iva, minkejja d-daqs tagħna, kapaċi mmorru barra l-pajjiż u nirbħu,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Gvern se jkompli jagħti din id-direzzjoni strateġika, iżda l-missjoni se jmexxuha l-isportivi bħala l-ambaxxaturi tal-valuri sbieħ li jagħti l-isport, bħall-integrità, id-dixxiplina, is-sagrifiċċju, u s-sens kollettiv ta’ team spirit.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport