Monday, December 23, 2024

L-awtriċi Alice Sebold tagħmel apoloġija wara li raġel qatta’ 16-il sena ħabs intortament

Aqra wkoll

L-awtriċi Amerikana Alice Sebold ħarġet apoloġija għall-irwol tagħha fl-arrest bla ħtija ta’ raġel li hija allegat li kien stupraha fl-1981. Il-kondotta ta’ dan ir-raġel ġiet imnaddfa l-ġimgħa li għaddiet. Fil-awtobijografija tagħha, li ġġib l-isem Lucky, Sebold kitbet li snin ilu kienet ġiet stuprata u wara qalet lill-pulizija li rat lir-raġel ta’ karnaġġjon skur li skontha kien attakkaha. B’riżultat ta’ dan Anthony Broadwater kien ġie arrestat, misjub ħati u weħel 16-il sena ħabs. Issa ħareġ li dan ir-raġel kien innoċenti.

Stqarrija maħruġa mill-avu­kati ta’ Broadwater fl-aħħar sigħat kienet tgħid li l-klijent tagħhom huwa “kuntent li Sebold ħarġet apoloġija”. Parti mill-apoloġija ta’ Sebold kienet tgħid, “jien jiddispaċini l-iktar għall-fatt li l-ħajja li kellek quddiemek ġiet misruqa mingħandek, jiena naf li l-ebda apoloġija mhi se tbiddel dak li ġara.”

Fil-ktieb tagħha msemmi iktar kmieni, hija qalet li meta kienet studenta ta’ 18-il sena ġiet attakka fl-Università Syracuse ġewwa New York. Xhur wara, hija kienet rrapportat li rat lir-raġel li ħasbet li attakkaha u avżat lill-pulizija. Ġara li wara l-arrest Sebold kienet naqset milli tidentifika lil Broadwater bħala s-suppost aggressur fil-police line-up u kienet għażlet persuna oħra. Minkejja dan Broadwater kien tressaq il-qorti u nstab ħati fuq evidenza mikroskopika ta’ xagħra. 

Broadwater kien ħareġ mill-ħabs fl-1998, iżda baqa’ mniżżel fil-lista ta’ peruni li wettqu offiżi sesswali. Fit-22 ta’ Novembru, wara rieżaminazzjoni li saret, instab li l-akkużi kontrih kienu insuffiċjenti u għalhekk huwa ġie dikjarat bħala innoċenti.

Ekonomija

Sport