Wednesday, May 14, 2025

IL-BIDU TAL-PRESIDENZA MALTIJA TAL-KUNSILL TAL-EWROPA

Aqra wkoll

Mil-lum, Malta se tkun qiegħda tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, bil-mandat jibqa’ għaddej sa Novembru ta’ din is-sena. Din se tkun okkażjoni oħra importanti għal Malta, li se tassumi l-Presidenza meta qiegħda tfakkar is-60 anniversarju ta’ sħubija fl-istess Kunsill tal-Ewropa. Fl-istess waqt, din se tkun ir-raba’ darba li pajjiżna se jkun fit-tmun ta’ din l-organizzazzjoni.

Malta se tassumi l-Presidenza fi żminijiet bla preċedent hekk kif id-dinja qiegħda taffaċċja inċertezzi soċjali u ġeopolitiċi li kulma jmur qegħdin ikomplu jeħżienu. Għaldaqstant, kif spjega tajjeb id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, perjodu ta’ trasformazzjoni daqstant delikat jitlob tmexxija responsabbli, diliġenti u reżiljenti.

F’dan il-kuntest, Malta se tqum għal din l-isfida u tinsab imħejjija tajjeb biex tassumi dan l-irwol importanti li għandha quddiemha. L-esperjenzi riċenti wrew dan kemm waqt il-mandat tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll waqt il-Presidenza tagħha tal-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni Ewropea matul is-sena li għaddiet. Barra minn hekk, Malta għandha tkompli turi l-ħeġġa u l-ħerqa li tibqa’ tkun promutur ewlieni tal-paċi f’kull reġjun u dan anke fil-kuntest tan-newtraliità tagħna. 

Pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, kabbar sew ir-reputazzjoni tiegħu fix-xena internazzjonali u għaldaqstant, il-Presidenza Maltija se tkun qiegħda tiffoka fuq diversi temi ċentrali bħalma huma il-protezzjoni tat-tfal, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ kontinwu tal-organizzazzjoni lejn l-Ukrajna kif ukoll id-djalogu u l-koperazzjoni ġenwina.

Fil-fehma tagħna, dawn it-temi prinċipali jirrikjedu li jkun hemm vuċi waħda u b’saħħitha biex jiġu indirizzati ċertu kwistjonijiet li għadhom jippersistu sal-lum il-ġurnata flimkien ma’ realtajiet oħra ġodda. Ngħidu aħna l-bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal minn forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali, b’mod partikolari fuq l-internet.

Malta impenjata li taħdem ukoll biex tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni speċjalment il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. Ikun tajjeb għalhekk li f’dan il-kuntest infakkru l-ħidma li saret f’pajjiżna stess f’dan il-qasam, b’għadd kbir ta’ riformi li jippromwovu b’mod partikolari l-ugwaljanza u l-inklużjoni kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.

Għalhekk pajjiżna għandu għalxiex iħares ’il quddiem b’ottimiżmu għal dan il-perjodu li deħlin fih, tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn Malta bla dubju se tkun qiegħda tmexxi b’mod effettiv u deċiżiv. Fuq kollox pajjiżna żgur li se jħalli impatt fuq il-ħidma tal-Kunsill. Dan kollu jagħmilna kburin li bħala pajjiż, anki jekk żgħir, qed nerġgħu niktbu l-istorja billi nkunu għas-servizz tal-umanita globali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport