Il-problema li nħolqot f’pajjiżna bil-mezz ġdid tat-trasport ġdid, l-e-scooters, ġiet tiġi indirizzata meta fl-aħħar jiem ittieħdu passi biex jinġabru dawk l-iscooters li ma kinux ipparkjati kif titlob il-liġi. Fil-fatt fl-aħħar jiem, Transport Malta ġabret 137 e-scooter għal diversi raġunijiet.
Konxji ta’ din il-problema, dan l-aħħar sar magħruf li TM ngħataw il-poteri permezz ta’ avviż legali sabiex tibda twettaq dan ix-xogħol ta’ infurzar fuq l-użu tal-e-scooters f’pajjiżna. Infurzar li jolqot kemm l-operaturi kummerċjali kif ukoll individwi oħra.
Dan hu mistenni li jwassal biex inaqqas jekk mhux jelimina għalkollox l-ostaklu ta’ e-scooters bl-addoċċ fuq il-bankini. Qed naraw sitwazzjonijiet li qed iseħħu b’mod regolari fejn persuna, wara li tkun għamlet użu mill-e-scooters, iħalluhom mitluqin kif ġie ġie.
Minbarra dan, l-infurzar min-naħa ta’ Transport Malta waslet ukoll biex jinkixef li dawn la kellhom liċenzja u lanqas polza tas-sigurtà kif rikjest mil-liġi dwar is-sewqan ta’ vetturi. Nifhmu li azzjoni ta’ infurzar bħal dawn se jitkomplew fil-jiem li ġejjin sabiex ikun assigurat li l-operat ta’ dawn l-iscooters ikun regolat bħalma jiġri f’kull vettura oħra.
Ma rridux ninsew iżda li dan il-mezz ta’ trasport, għalkemm ġieli jitpoġġa f’lenti kerha, għandu wkoll il-benefiċċji tiegħu. Biss biss, jekk wieħed iħares lejh minn aspett ambjentali, se jgħin biex ikun hemm kwalità ta’ ħajja aħjar u fl-istess waqt tonqos ukoll il-konġestjoni tat-traffiku, f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata. Jgħinu wkoll biex dawk li jkunu jridu jagħmlu vjaġġi qosra minn post għall-ieħor ma joqogħdux jużaw il-karozza tagħhom u għalhekk isibuha aktar faċli jagħmlu użu minn dan il-mezz ta’ trasport.
Għalkemm nemmnu li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-awtorità kontra dawn l-iscooters kienu meħtieġa, inħeġġu biex ħadd ma jieħu l-liġi b’idejh u jħalli lill-awtoritajiet jagħmlu xogħolhom. Dan qed ngħiduh b’referenza għal inċident fejn persuna ddeċidiet minn jeddha li titfa’ wieħed minn dawn l-iscooters fil-baħar għax forsi ratu bħala ostaklu.
Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li jekk ir-regolamenti jiġu rrispettati u osservati minn kulħadd, in-nies mhux biss ikollhom mistrieħ imma wkoll ikunu qed jgħinu biex il-ħajja taċ-ċittadini titjieb.