Tuesday, April 30, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun Spartans se jkabbru l-vantaġġ fil-quċċata?

Aqra wkoll

Proprju llum jirritorna l-BOV Kampjonat Premier wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda ngħata spazju għall-FA Trophy. 

F’din is-16-il ġurnata, teżisti possibbiltá kbira li l-leaders Hamrun Spartans ikomplu jkabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika meta huma jaffrontaw lit-team ta’ qiegħ il-klassifika, Pietá Hotspurs, filwaqt li Gzira United għandhom partita delikata kontra Marsaxlokk. 

Iżda, bla dubju, l-aqwa partita hija dik bejn Floriana u Birkirkara, bil-Furjaniżi jimmiraw għal rebħa biex jilħqu lill-istess Karkariżi fiż-żona Ewropea. 

Logħbiet interessanti u bilanċjati huma Hibernians kontra Mosta u Gudja Uni­ted kontra Balzan filwaqt li Valletta jibdew bħala favo­riti li jiksbu t-tliet punti kontra Sirens. 

Floriana v Birkirkara – Wara d-diżappunt tal-FA Trophy meta sfaw eliminati minn Sta Lucia, issa Floriana jixħtu kollox biex jilħqu l-objettiv tagħhom li jikkwalifikaw għall-kompetizzjoni tal-UEFA Conference League u jimmiraw li jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva. 

Huma jiltaqgħu kontra Birkirkara li wkoll għandhom l-istess għan meta fil- veritá fallew milli jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-tit­lu meta jidher ċar li l-Ispartans ħarbu bil-kampjonat. 

Floriana se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Zachary Cassar filwaqt li għal Birkirkara jirritorna Diego Pires Dell’Oca, it-tnejn minn sospensjoni.

Fl-ewwel round kienu Birkirkara li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0. 

Sta Lucia v Zebbug – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li qed jiġġieldu kontra r-relegazzjoni. Filwaqt li l-Luċjani jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar, iż-Żebbuġin jinsabu żewġ punti fuqhom. 

Dawn tal-aħħar, flimkien ma’ Floriana, huma l-uniċi żewġ timijiet li sfaw eliminati mill-FA Trophy. 

Aktar minn hekk huma ġejjin minn erba’ telfiet konsekuttivi u għaldaqstant ma jistgħux joħorġu b’idejhom vojta f’din il-partita diretta. 

Rebħa tarahom jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq Sta Lucia iżda dawn tal-aħħar għandhom elementi tajbin biżżejjed li kapaċi jdawru r-riżultat favur tagħhom u joħorġu miż-żona l-ħamra għalkemm xorta waħda jkunu għadhom fil-periklu li jitilfu posthom mal-kbar.

Ir-Rangers għandhom lil Henrique Marcelino Motta sospiż filwaqt li St Lucia m’għandhomx problemi ta’ players neqsin. 

Fl-ewwel round Zebbug kienu rebħu bl-iskor ta’ 2-0.

Hibernians v Mosta – Wara żewġ telfiet infila, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Hiber­nians meta jiltaqgħu kontra Mosta. 

Bis-sitt punti mitlufa, il-Pawlisti qatgħu kull kuntatt mal-leaders Hamrun u għaldaqstant issa jiffokaw post fl-Ewropa. 

Min-naħa tagħhom, Mosta jinsabu punt biss taħt Hibernians hekk kif fl-aħħar ħames partita huma rreġistraw erba’ rebħiet. 

Iżda huma għandhom lit- tliet players – Christ Ememe, Tyrone Farrugia u Zachary Brincat – sospiżi. 

Min-naħa ta’ Hibernians, dawn għandhom lil Bjorn Kristensen sospiż iżda jirritorna Thaylor Aldama. 

Fil-konfront dirett pre­ċe­denti, Hibernians kienu ħarġu rebbieħa 5-0.

Gudja U. v Balzan – Din hija partita bejn żewġ timi­jiet ta’ nofs il-klassifika li għandhom differenza ta’ punt. 

Wara bidu tant tajjeb, il-Gudjani naqsu mir-rendiment tagħhom biex issa huma kemmxejn maqtugħin miż-żona Ewropea. 

Għall-kuntrarju, Balzan irkupraw tajjeb biex inqatgħu min-naħa t’isfel tal- klassifika hekk kif huma   ki­s­bu tliet rebħiet mill-aħħar erba’ ħarġiet. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Neil Anthony Micallef għal Gudja u Nikola Braunovic għal Balzan. 

Iżda filwaqt li Karl Micallef jirritorna għal Gudja, Ivan Bozovic u Matheus Nogureira De Sousa jirritornaw għall-Balzanin. 

Gudja kienu għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 1-0. 

Sirens v Valletta – Sirens jiffaċċjaw lil Valletta li fl-aħħar ħarġa tagħhom fal­lew żewġ punti meta ġew miżmuma minn Pietá Hotspurs bl-iskor ta’ 1-1 …  u għaldaqstant jimmiraw biex jirritornaw għar-rebħ. 

L-istess iridu jagħmlu l-Pawlini hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Floriana. 

Huma se jkunu msaħħa mir-ritorn ta’ Marcelo Perreira Muniz, Rei Tachikawa u Degran Jackson minn sospensjoni filwaqt li Enmy Pena Beltre jirritorna għall-Beltin.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 0-0.

Marsaxlokk v Gzira U. – Dan huwa konfront delikat għal Gzira United li se jilagħbu kontra team li fl-aħħar seba’ logħbiet kiseb biss tliet draws.

Peró, ix-Xlukkajri għandhom lil Christopher Uzeh Edafe u Daniel Agius sospiżi.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 0-0.

Pietá H. v Hamrun S. – Hamrun Spartans jibdew favoriti li jieħdu t-tliet punti kontra Pietá Hotspurs iżda dawn tal-aħħar jimmiraw għal sorpriża bħal ma għamlu Zebbug li taw l-unika telfa lill-Ħamruniżi f’dan l-istaġun.

L-Ispartans għandhom lil Emerson Marcelina sospiż.

Fl-ewwel round, Hamrun kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0. 

PROGRAMM KOLLU

Illum

Centenary Stadium

8.30pm: Sta Lucia v Zebbug R.

Għada

Tony Bezzina Stadium

2.00 pm: Hibernians v Mosta

4.15 pm: Gudja U. v Balzan

National Stadium

3.00 pm: Floriana v Birkirkara

Il-Ħadd

Tony Bezzina Stadium

11.30 am: Sirens v Valletta

National Stadium

2.00 pm: Marsaxlokk v Gzira U.

4.15 pm: Pietá H. v Hamrun S.

Sport