Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, ħalliet Malta għal żjara uffiċjali fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan.
Matul din iż-żjara, il-President Spiteri Debono se jkollha udjenza privata mal-Papa Ljun XIV, segwita minn laqgħa oħra mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin.
Il-laqgħat uffiċjali huma skedati għat-Tnejn, 2 ta’ Marzu, u matulhom il-President se tmexxi delegazzjoni li tinkludi lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg, u l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.
Se jsiru wkoll żjarat fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, fejn hemm midfun Papa Franġisku, kif ukoll fl-Ambulatorio Madre di Misericordia tal-Vatikan, li ta’ kull sena joffri l-opportunità lil studenti Maltin tal-mediċina biex jitħarrġu fil-klinika tiegħu.
Il-President Myriam Spiteri Debono mistennija tirritorna Malta fit-3 ta’ Marzu. Matul dan il-perjodu, Dr Helena Dalli se sservi bħala Aġent President.

