Sunday, October 27, 2024

L-ebda bżonn ta’ ċertifikat għal għada … it-trasport mhux se jopera

Il-Ministru jisħaq li l-prijorità waqt l-azzjoni tal-MUT tibqa' s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti

Aqra wkoll

“Il-prijorità tagħna għada, waqt l-azzjoni industrijali tal-Malta Union of Teachers fl-iskejjel, se tkun is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti kollha”. Hekk qalilna l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, meta tlabna l-kumment tiegħu lejlet l-azzjoni industrijali msejjħa mill-MUT.

Il-Ministru Grima spjegalna wkoll li l-gvern huwa miftuħ li jkompli għaddej bin-negozjati, meta u jekk, l-MUT tirtira l-azzjonijiet industrijali mħabbra. Huwa enfasizza li dak offrut mill-gvern lill-MUT huwa bażi solida li toffri titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u li għandu jwassal biex kif gara ma’ professjonisti oħrajn jintlaħaq ftehim li huwa sostenibbli u jgħaraf ir-rwol importati tal-edukaturi. Saħaq li t-triq responsabbli dejjem tibqa’ mal-mejda tad-diskussjonijiet u fil-verità hemm diġà proposta b’saħħitha bit-titjib sostanzjali kif imwiegħed mill-Gvern. 

Filwaqt li huwa dritt ta’ kull ħaddiem li jipparteċipa f’azzjonijiet industrijali, u dan huwa rispettat, wieħed irid iħares ukoll li m’għandhomx ibatu t-tfal li f’kwistjonijiet bħal dawn ma’ għandhom ebda ħtija.

Il-Gvern Laburista huwa impenjat li jibqa’ jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, inkluż dawk tal-edukaturi. Fil-ġimgħat li għaddew kien iffirmat ftehim settorjali ġdid għall-Pulizija li jfisser pagi u kundizzjonijiet aħjar għal madwar 2,000 ħaddiem ta’ ġid għall-komunità. Iktar minn 4,000 ħaddiem fis-servizz tas-saħħa pubblika se jieħdu pagi u kundizzjonijiet aħjar, wara li kien issiġillat ftehim settorjali ġdid għall-infermiera u l-qwiebel, filwaqt li ġie ffirmat ukoll ftehim settorjali ġdid għall-ECG technicians.

Fil-jiem li għaddew il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar dwar il-ftehim mal-edukaturi, “M’hemm ebda raġuni li tista’ tagħti x’jifhem lil xi ħadd, li dan il-Gvern, li żied il-pagi ta’ tant ħaddiema ma jridx jagħmel l-istess mal-għalliema. X’sens jagħmel li naslu mal-pulizija u l-infermiera, fost oħrajn, imma mhux mal-għalliema? It-tweġiba ta’ din id-domanda hija r-risposta ta’ kemm irridu nżommu kellmitna hawn ukoll. Ma konniex xħaħ ma’ sezzjonijiet oħra ta’ ħaddiema u bl-istess mod m’aħniex xħaħ mal-għalliema. Iva, irridu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-għalliema u hemm għandna naslu.”

Dan mhux qed jingħad issa. Fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien, il-wegħda hija ċara: Kull persuna li tilħaq il-potenzjal tagħha fil-perkors edukattiv tafu lill-għalliema u għalhekk il-Partit Laburista jgħaraf l-impenn dedikat tal-edukaturi. Fl-aħħar snin l-edukaturi bbenefikaw minn wieħed mill-aqwa pakketti ta’ żieda fil-pagi. Minkejja dan, xorta waħda tinħass il-ħtieġa li l-pagi għandhom jogħlew meta mqabbel mal-livell tax-xogħol u r-responsabiltà li għandhom. Ġaladarba l-ftehim settorjali u dak kollettiv waslu biex jiġġeddu, se naraw li jkun hemm titjib sinifikanti ieħor fil-pagi tal-edukaturi matul il-ħames snin li jmiss.

Mhux biss, għaliex dan kien sostanzjat fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla: “Dan Gvern li jinvesti fil-komunità u l-oqsma tas-saħħa, is-sigurtà u l-edukazzjoni huma kruċjali għal komunitajiet b’saħħithom. Għalhekk ilħaqna ftehim mal-infermiera u l-pulizija biex tejjibna l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-Gvern se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex fix-xhur li ġejjin jiġi konkluż u ffirmat il-ftehim tal-edukaturi. Kull darba li npoġġu mal-mejda tan-negozjati naraw li nżidu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, b’mod b’saħħtu iżda li jkun ukoll sostenibbli. Hekk tfisser Malta Ġusta”.

Gvern Laburista għandu rekord li dak li jwiegħed dejjem wettqu, tant li għall-ftehim li skada fi tmiem is-sena li għaddiet, minn Jannar li għadda stess mal-ewwel kienu bdew id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MUT ħalli jkun imfassal ftehim settorjali ġdid li minnu se jibbenefikaw b’mod sostanzjali imma b’mod sostenibbli, l-edukaturi.

Intant, għada kollox jindika li l-MUT se tibqa’ għaddejja bl-azzjoni industrijali, wara li ħabbret dan aktar kmieni dan ix-xahar billi infurmat li kienet qed tordna azzjonijiet industrijali fl-iskejjel kollha tal-Istat u tal-Knisja u ħabbret ukoll strajk ta’ ġurnata.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni mal-ewwel ħa azzjoni biex iħares lil-istudenti kollha waqt dan il-jum ta’ strajk u għandu f’postu Pjan ta’ Kontinġenza għal għada t-Tnejn bi prijorità li l-istudenti fl-iskejjel ikunu mħarsa u tingħata kull attenzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom. 

Għada t-Tnejn 27 ta’ Novembru, l-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat f’Malta u Għawdex se jiftħu l-bibien tagħhom strettament fil-ħinijiet tal-ftuħ uffiċjali tal-iskola. Fl-iskejjel se jkun offrut biss servizz ta’ superviżjoni u l-istudenti li mhux se jattendu se jiġu mmarkati excused. Mhux se jkun hemm bżonn nota jew ċertifikat mediku għal dakinhar. 

Sal-ħin normali li tispiċċa l-iskola, l-istudenti għandhom jinġabru mill-ġenitur jew kustodju legali,  skont il-proċeduri li jintużaw is-soltu. Dan ifisser li s-servizz tal-Breakfast Club u Klabb 3-16 mhux se jkun provdut.

B’riżultat ta’ evalwazzjoni li saret biex bħala prijorità tiġi mħarsa s-sigurtà ta’ kull student, għada t-Tnejn 27 ta’ Novembru lanqas it-trasport lejn u mill-iskola mhu se jopera.

Għal din ir-raġuni wkoll, il-Learning Support Centres, ir-Resource Centres, Gem 16+, Giovanni Curmi Higher Secondary, Sir MA Refalo Sixth Form u l-ALP, mhux se jkunu miftuħin.

Il-Ministeru beda wkoll servizz biex jilqa’ telefonati u jgħin lil dawk kollha li se jkollhom bżonn kjarifiki jew aktar informazzjoni. Dan is-servizz huwa miftuħ fuq 25981150 anki llum il-Ħadd 26 ta’ Novembru mis-7:30 sa’ 12:00pm u għada t-Tnejn 27 ta’ Novembru mis-7:30 sal-17:00. Wieħed jista’ jagħmel ukoll kuntatt fuq 153.

Il-Ministru Clifton Grima enfasizza li f’dan il-perjodu tant delikat huwa importanti li ħadd ma jattakka xi parti jew oħra, b’mod speċjali lill-edukaturi li għandhom rwol ċentrali fil-hajja tal-istudenti. Qalilna wkoll li għada huwa importanti li jkun hemm koperazzjoni min naħa tal-ġenituri tal-istudenti f’dan il-jum ta’ azzjoni industrijali.

L-għada, it-Tlieta 28 ta’ Novembru, l-iskejjel jerġgħu jiftħu b’mod normali bis-servizzi kollha li toffri s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.

Sport