Monday, May 13, 2024

Żejtun Laċċi Gold Lady bl-akbar rebħa tal-ġurnata

Aqra wkoll

Żejtun Laċċi Gold Lady kisbu l-akbar rebħa tal-ġurnata fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts meta għelbu lil Sliema Club Lounge A 8-0.

Iż-Żwieten iddominaw għal kollox din il-logħba bis-Slimiżi li ftit setgħu jagħmlu kontrihom. B’din ir-rebħa huma telgħu fir-raba’ post tal-klassifika, erba’ punti wara l-leaders Floriana Premier Cars A li baqgħu jżommu l-konsistenza wara skor pożittiv ta’ 7-1 kontra Ħamrun Bayern B.

Ħamrun Bayern A rebħu l-isfida diretta kontra Birżebbuġa Lions 5-3 sabiex laħquhom fil-klassifika b’għaxar punti.

PO’s Bar kisbu l-ewwel punt tal-istaġun wara skor ta’ 4-4 kontra Floriana Ajax MCP.

Fit-tieni diviżjoni, Domus Men għadhom fl-ewwel post tal-klassifika għalkemm batew aktar milli suppost sabiex jegħlbu lil Żebbuġ Rangers FC 5-3.

Birgu Boċċi Club baqgħu żewġ punti fuq iż-Żwieten hekk kif għelbu lil Beland Żejtun 6-2.

Top Gun Bar u Duke’s Darts Club kisbu skor identiku ta’ 6-2 wara li għelbu lil Cox Bar u Leah’s Bar A.

Fit-tielet diviżjoni, spikkat ir-rebħa tat-tieni tim ta’ Birgu Boċċi Club li għelbu lil-leaders Żejtun Laċċi Maypole 5-3. Anke Tal-Balklor Senglea u Munchies’ Bar kisbu rebħa bi skor simili kontra Sliema Lounge B u Nicolo Isouard rispettivament.

Finalment, Leah’s Bar B kienu ferm dominanti fuq Domus Ladies tant li rebħu 8-0.

Sport