Saturday, May 4, 2024

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi b’Nifs Ġdid lill-Kura tas-Saħħa f’Għawdex  

Carmen Ciantar

Aqra wkoll

Sa ftit żmien ilu s-servizz tas-saħħa f’Għawdex kien qed jiddependi biss mill-Isptar Ġenerali u miċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat.  Fid-dawl tal-limitazzjonijiet konsiderevoli li kellha l-binja preċedenti taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat u anki minħabba l-influss staġjonali ta’ viżitaturi li jaqsmu lejn Għawdex, inħass aktar opportun li jsir investiment f’Ċentru tas-Saħħa ġdid, komplut b’faċilitajiet ugwali u dawk disponibbli fiċ-Ċentri tas-Saħħa f’Malta.

B’aktar minn 1.5 miljun ewro ta’ Finanzjament Nazzjonali, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi rnexxielha toħloq faċilità ta’ kwalità għolja, inawgurata aktar kmieni din il-ġimgħa mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Servizzi Ġodda fil-qalb tal-Komunità

Dan il-proġett imur ferm lil hinn minn sempliċi kostruzzjoni u rinovar. Dan għaliex dan iċ-Ċentru ser ikun qed jindirizza aħjar id-diversi ħtiġijiet mediċi tal-komunità, u jwiegħed era ġdida ta’ eċċellenza fil-kura tas-Saħħa. Minbarra s-servizzi tradizzjonali ta’ tobba u infermiera, iċ-Ċentru tas-Saħħa l-Ġdid jintroduċi għadd kbir ta’ servizzi speċjalizzati.  Dan seta jsir biss permezz ta’ pjanar metikoluż mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni, flimkien ma’ dawk tal-Primary Healthcare u partijiet oħra nteressati. 

Il-Pazjent fiċ-Ċentru ta’ Kull Deċiżjoni

Illum morna lil hinn minn spazji kliniċi li konna mdorrijin bihom u fi proġetti bħal dawn il-pazjent qed ikun aktar fiċ-ċentru tal-ħsibijiet, flimkien ma’ pjanar orkestrat bir-reqqa li jiżguraw funzjonalità u ambjent adegwat għall-ħaddiema u speċjalisti li jkunu qiegħdin iservu.  Għaldaqstant jitqiesu ċertu dettalji bħal ngħidu aħna l-kuluri u d-dwal użati madwar il-binja kollha. 

Barra minn hekk għall-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi hija prijorità li fil-proġetti kollha tagħha jiġu integrati materjali u teknoloġija sostenibbli.  Dan jiżgura li kull sptar u ċentru tas-saħħa ġdid mhux biss jagħti kura eċċellenti iżda jibqa’ xempju ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin filwaqt li jkun ambjentalment responsabbli.

Vjaġġ Sodisfaċenti

Tul il-proċess iltqajna u għelibna diversi sfidi fosthom tibdil fil-kuntrattur minħabba dewmien fuq ix-xogħol.  Dan ifisser li wara li ingħataw penali u ttieħdu passi mill-Fondazzjoni biex jinbidel il-kuntrattur, kellhom jerġgħu jinbdew negozjar ta’ termini mal-kuntrattur il-ġdid, biex b’hekk illum għandna dan iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-għola livell. 

Impenn Kontinwu

Lil hinn minn faċilità moderna, iċ-Ċentru tas-Saħħa l-Ġdid fir-Rabat, ifisser bidla strateġika u rivoluzzjonarja li bla dubju ser tkun qed ittaffi l-piż minn fuq l-Isptar Ġenerali t’ Għawdex.  Ifisser ukoll impenn kontinwu sabiex is-servizzi tas-saħħa offruti jkunu eqreb tal-komunità, mingħajr ħadd ma jitħalla barra, permezz ta’ binja aċċessibbli u sostenibbli għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. 

Sport