Sunday, December 22, 2024

“L-ebda liġi ma għandha xxekkel tabib milli jsalva l-ħajjiet”

- id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

Aqra wkoll

Filwaqt li għamilha ċara li l-abort huwa u se jibqa’ illegali f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-ebda liġi m’għandha xxekkel tabib milli jsalva l-ħajjiet. “L-emenda li qed inressqu llum, bejn l-għażla li nsalvaw jew le l-ħajja ta’ omm tqila, qed nagħżlu l-ħajja,” qal id-Deputat Prim Ministru meta fil-Parlament bdiet tiġi diskussa emenda fil-Kodiċi Kriminali sabiex tkun imħarsa ħajjet l-omm f’każ li ħajjitha tkun f’riskju jew saħħitha tkun f’periklu gravi.

L-emenda kif proposta tgħid li “ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artikli 241(2) jew l-artiklu 243 meta t-terminazzjoni tat-tqala tirriżulta minn intervent mediku magħmul bil-għan li tkun protetta s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.” 

Id-Deputat Prim Ministru sostna li din se tkun biss l-eċċezzjoni. Qal li min hu favur li tgħix l-omm hi favur din l-emenda. Qal ukoll li mhuwiex il-każ bħalma kien hemm min qal, li b’din l-emenda se jinfetaħ xi bieb għall-abort. “Anzi din l-emenda tbiegħed il-possibilità li jidħol l-abort ġewwa pajjiżna. Jiena għandi fiduċja sħiħa fit-tobba Maltin. L-imwiet tal-ommijiet tqal ġraw fil-passat u jiġru. Ilu numru ta’ snin ma jkollna imma ġraw. “Din l-emenda hi favur il-ħajja għax tnaqqas ir-riskju li jiġri xi traġedja oħra. M’aħniex se ndaħħlu l-abort.

Bħala kirurgu tat-tfal ma rrid nara tarbija waħda titlef ħajjitha iżda lanqas ma rrid nara li titlef ħajjitha omm waħda għax ma nkunu għamilna xejn,” qal Fearne. Huwa żied jenfasizza li l-iskop wara din l-emenda huwa ċar – dak li jiġu salvati l-ħajjiet. Qal ukoll li jemmen li kif inhi mfassla l-emenda huwa l-aħjar mod li nistgħu naslu għal dan kollu. Iżda tenna li dan il-Gvern huwa miftuħ għal suġġerimenti ġenwini biex nibqgħu ntejbu fuq din l-emenda. “Mhux biża’. Imma diskusjoni sera u matura għax dan hu suġġett sensittiv u jistħoqqlu li kollha kemm aħna nagħmlu ħilitina biex nagħtu l-aħjar soluzzjonijiet għall-ommijiet. Nissuġġerixxi li l-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa jkun jista’ jiddiskutu l-‘istanding operating procedures’ biex kollox ikun trasparenti.”

Finalment, Fearne rrimarka li l-liġi li trid issir għandha tkun inklussiva għal kulħadd. “Mara tqila li jkollha bżonn kura għall-mard mentali, għandha tieħu dik il-kura b’moħħha mistrieħ li mhux se jinqala’ xi ħaġa għat-tarbija tagħha u li se tispiċċa l-ħabs. Il-liġi li rridu nagħmlu għandha tkun inklussiva għal kulħadd,” tenna Fearne.

Ekonomija

Sport