Friday, November 15, 2024

“L-ebda liġi ma tgħidlek li lill-omm tħalliha tmut”

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna, b'reazzjoni għall-każ tal-mara Amerikana li talbet abort minħabba riskju li tmut

Aqra wkoll

Fis-sigħat li għaddew kien hemm bosta reazzjonijiet mill-pubbliku dwar il-każ ta’ Andrea Prudente — il-mara Amerikana li tinsab fuq btala f’pajjiżna u li qiegħda tibża’ li tmut kawża ta’ possibbiltà ta’ infezzjoni jekk ma jsirilhiex abort.

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna, waqt appell li għamel sabiex il-pubbliku jitlob għall-koppja Amerikana li għandha diffikultajiet fit-tqala, saħaq li l-Knisja għandha pożizzjoni ċara, dik “Li tiġi rispettata dejjem id-dinjità ta’ kull ħlejqa mit-tnissil tagħha”. Però, huwa kompla saħaq li “Jekk it-tarbija ma tistax issalva, l-ebda liġi ma tgħidlek li lill-omm tħalliha tmut. Lanqas il-liġi ta’ Malta. M’hemmx għalfejn nintroduċu l-abort biex insalvaw lill-omm”, fakkar l-Arċisqof Scicluna.

L-Arċisqof Scicluna ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex wieħed jitlob għall-koppji li forsi għaddejjin minn mument simili ta’ dan għaliex it-tqala jaf tkun diffiċli ħafna, u għall-koppji li forsi bħalissa jixtiequ jkollhom it-tfal imma qed jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet.

Prudente ta’ 38 sena u s-sieħeb tagħha Jay Weeldreyer ta’ 45 sena kienu fuq btala f’Għawdex meta fit-12 ta’ Ġunju l-mara bdiet tnixxi ħafna demm matul il-lejl. Il-pazjenta talbet li t-tqala tagħha tiġi terminata, iżda t-talba tagħha ġiet miċħuda. Hija ġiet mgħarrfa li t-tobba jistgħu jintervjenu biss jekk tkun qed tmut b’mod imminenti. Qalulha wkoll li t-tobba lanqas biss jistgħu jiddiskutu magħha l-għażla li tagħmel abort.

Skont xi rapporti li qed jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali jidher li l-mara se tiġi trasferita lejn Spanja fejn se jsirilha l-abort hemm.

Ekonomija

Sport