Wednesday, April 24, 2024

“L-ebda ostaklu mhu se jżomm lill-Gvern milli jaqdi dmirijietu”; Wara l-protest ġudizzjarju minn Repubblika

Aqra wkoll

“Il-gvern se jibqa’ għaddej bir-riformi istituzzjonali xprunati mill-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja f’Diċembru 2018, biex ikompli jsaħħaħ il-valuri tal-governanza u s-saltna tad-dritt li dan il-pajjiż tant jemmen fihom. L-ebda ostaklu mhuwa ser iżomm lill-gvern milli jaqdi dmirijietu skont il-mandat mogħti lilu mill-poplu sovran Malti u Għawdxi.”

Din hija l-ewwel reazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, wara li ġie formalment innotifikat bi protest ġudizzjarju mressaq mill-entità non-governattiva Repubblika. F’dan il-protest, l-NGO qed tinsisti li l-Ministru Zammit Lewis m’għandux imur quddiem il-Kummissjoni Venezja bil-proposti tal-gvern Malti dwar ir-riforma fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, qabel ma jgħaddihom lil Repubblika.

Il-Ministru jfakkar li l-gvern diġà kkonsulta u se jibqa’ jikkonsulta ma’ kulħadd matul dan il-proċess dwar l-aħjar kunċetti legali li għandhom jiġu applikati biex dawn ir-riformi jsiru mingħajr dewmien. Il-konsultazzjoni tul dan il-proċess tapplika wkoll għas-soċjetà ċivili.

Fil-fatt, il-Ministru kkonċernat żamm laqgħa mal-istess Repubblika nhar it-Tlieta, 7 ta’ April 2020, u wieġeb korrispondenza oħra datata s-Sibt, 11 ta’ April 2020. Kopja ta’ din l-ittra qiegħda tiġi mehmuża ma’ din l-istqarrija.

L-istampa ħielsa u l-partijiet kollha interessati f’dan il-proċess se jibqa’ jkollhom l-opportunità li fil-mument opportun jagħmlu skrutinju tal-proċess kollu, għaliex dan il-gvern m’għandu xejn x’jaħbi.

Dan, iżda, bl-ebda mod ma jfisser li l-gvern għandu jżomm lura milli jressaq proposti quddiem il-Kummissjoni ta’ Venezja sempliċiment għax tkun għadha ma rathomx l-għaqda Repubblika, kif tippretendi li għandha dritt li tagħmel.

Il-Ministru Zammit Lewis ser iwieġeb għal dan il-protest ġudizzjarju skont il-liġi.

Sport