Il-Malta Association of Public Health Medicine (MAPGM), li tiġbor fiha tobba u persuni li jaħdmu fis-saħħa u l-mediċina, qed tappella lill-pubbliku biex isegwi 15-il suġġeriment biex tkunt tista’ tiġi ikkontrollata l-pandemija.
Hija għamlet dan l-appell għax tal-fehma li l-pariri li ngħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa tliet ġimgħat ilu “waqgħu fuq widnejn torox” u minn dakinhar ‘il hawn in-numru ta’ mwiet kważi ittripla u dak tal-persuni infettati tela għal numru rekord.
L-għaqda esprimiet it-tħassib tagħha għall-fatt li fost dawk li hemm fl-Isptar Mater Dei għall-kura hemm diversi persuni taħt is-60 sena u se jinfetaħ it-tielet ITU, l-operazzjonijiet qed jitħassru minħabba nuqqas ta’ sodod, il-laboratorji qed jagħmlu numru rekord ta’ testijiet u l-virus qed jinfirex fi djar tal-anzjani, postijiet tax-xogħol u daqt fl-iskejjel.
Kien waqt li ikkritikat lill-Gvern talli mhux jieħu azzjoni u mhux jimxi b’responsabbilta li hija ħarġet bil-15-il suġġeriment bl-ewwel wieħed ikun li kulħadd jilbes il-maskri malli joħroġ mid-dar.
Is-suġġerimenti l-oħra huma li meta persuna żżur lill-qraba ma jkunx hemm tgħanniq u bews, fejn possibli l-postijiet tax-xogħol għandhom jużaw it-telework, it-tagħlim isir online, it-tisjir għandu jsir id-dar jew jekk minn barra jiġieb b”home delivery’, ix-xiri jsir online, jiġu evitati l-folol, ma jsirux attivitajiet ta’ Halloween u l-Milied, taħriġ fiżiku jsir b’mod individwali, in-nies m’għandhomx imorru cinemas, bars, kafetteriji, pools u gyms; il-kju jinżamm b’distanza; isir ħasil tal-idejn regolari; ma jintmissx il-wiċċ u l-ħalq bla bżonn u jekk persuna tkun marida ma toħroġx u ċċempel lit-tabib.
L-għaqda wissiet li hekk kif pajjiżna għaddej mill-agħar żmien tiegħu mindu feġġet il-pandemija jekk mhux se jittieħdu azzjonijiet issa il-każijiet se jiżiedu u se jkun hawn iktar nies li jmutu.