Friday, October 4, 2024

“L-ebda traffikant tad-droga mhu se jeħlisha ħafif kuntrarju għal li qed tgħid l-Oppożizzjoni”

Aqra wkoll

Il-pieni marbuta mar-reati tad-droga se jibqgħu l-istess, biex jibqgħu jservu ta’ deterrent qawwi kontra t-traffikar tad-droga. Dan kuntrarjament għall-impressjoni qarrieqa li qed tipprova tagħti l-Oppożizzjoni. Bir-riforma “Ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-Droga” l-ebda traffikant ta’ droga mhu se jeħlisha ħafif. Iddikjara dan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fi stqarrija b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar ir-riforma preżentata minnu fl-aħħar jiem.

Il-Ministeru kompla biex jgħid li kuntrarjament għall-interpretazzjoni skorretta tal-Partit Nazzjonalista, il-Konsultazzjoni Pubblika dwar is-suġġett għandha fiċ-ċentru tagħha l-vittmi tal-pjaga soċjali tad-droga u mhux it-traffikanti tad-droga.

“Fejn il-Qorti tara li quddiemha għandha traffikant tad-droga trid tibqa’ tistmah ta’ traffikant u tinforza pieni iebsin u xierqa”, saħqet tgħid l-istqarrija.

Il-Ministeru żied jispjega li l-varjazzjoni fl-ammonti indikattivi tal-linji gwida, hija intiża li tkompli tibni fuq ir-riforma li implimenta Gvern fl-2014, li tagħti diskrezzjoni lill-Qrati tagħna biex fejn jaraw li hemm każ ta’ persuni dipendenti fuq id-droga u bi prospett ta’ riabilitazzjoni, dawn jingħataw ċans jidħlu għal proċess rijabilitattiv.

“L-ammonti li qed ikunu ċitati b’mod skorrett mill-Oppożizzjoni, bl-ebda mod ma jitqiesu li huma għall-użu personali, bl-istess mod li ma jiġux meqjusa hekk l-ammonti stabbiliti fil-liġi, li diġà hemm fis-seħħ”, kompla biex jgħid.

Il-Ministeru għamilha ċara li min jinqabad bi kwalunkwe ammont, anke jekk anqas mill-ammonti fl-iskeda, u l-Qorti tkun tal-fehma li mhuwiex persuna li kien dipendenti fuq id-droga, jiġi proċessat u jsir ħaqq miegħu skont il-liġi abbażi tal-pieni li diġà hemm fis-seħħ u li mhux se jitmissu.

“Huwa deplorabbli li l-Oppożizzjoni qed terġa’ tagħmel ballun politiku u qiegħda tattakka l-opportunitajiet għal proċess rijabilitattiv lill-vittmi tad-droga, billi b’mod skorrett u qarrieqi qed tipprova tpinġi li dan qed isir favur it-traffikanti tad-droga”, kompliet biex tgħid l-istqarrija.

Il-Ministeru qal ukoll li l-Gvern jemmen f’pieni iebsa kontra t-traffikanti tad-droga u l-konsultazzjoni pubblika ta’ bħalissa ma ċċaqlaq xejn minn dak il-prinċipju. Fl-istess ħin il-Gvern investa u se jibqa’ jinvesti fil-proċess rijabilitattiv tal-persuni b’dipendenza fuq id-droga u b’kuraġġ se jkompli jwettaq riformi biex il-vittmi tad-droga jingħataw iċ-ċans jibnu ħajjithom mill-ġdid.

“Il-poplu jaf li l-uniku Gvern f’pajjiżna li ċeda l-armi kontra t-traffikar tad-droga, kien dak immexxi mill-Oppożizzjoni, li ma kien jiddejjaq xejn jagħti l-maħfriet Presidenzjali lit-traffikanti tad-droga”, temmet l-istqarrija.

Sport