Minkejja li l-mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela jidher li naqqas xi ftit mill-fiduċja skont l-aħħar stħarriġ ippubblikat minn The Times of Malta, jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech xejn mhu qiegħed igawdi minn dan ir-riżultat.
Dan hekk kif skont l-aħħar stħarriġ jidher li Grech baqa’ ma ċċaqqlaqx minn fejn kien skont stħarriġ ippubblikat mill-istess ġurnal f’Marzu li għadda.
Il-fiduċja tal-elettorat għadha ikbar fil-mexxej tal-Partit Laburista anke jekk skont dan l-aħħar stħarriġ jidher li l-fiduċja fil-Prim Ministru rat l-ikbar tnaqqis.
Prattikament skont l-istħarriġ, Grech fl-aħħar erba’ xhur ma rnexxielu jżid l-ebda fiduċja għajr fost dawk li lesti jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista f’każ ta’ elezzjoni llum.
Meta mistoqsijin min għandu jkun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-parteċipanti jidher li baqgħu jiffavorixxu l-idea li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għandha tieħu dan l-inkarigu b’aktar minn 25 fil-mija tal-votanti. Grech qiegħed jitqies bħala t-tieni preferenza bi ftit aktar minn 11 fil-mija filwaqt li l-eks Kap tal-partit Adrian Delia issa jinsab fit-tielet preferenza bi ftit inqas minn Grech.