Tuesday, December 24, 2024

“L-edukazzjoni għandha dejjem tiffoka fuq il-kompetenzi u l-interessi tat-tfal”

Dr Piia Roos, riċerkatriċi Finlandiża

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul din il-ġimgħa delegazzjoni ta’ esperti Finlandiżi fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija żaret Malta fejn fost l-oħrajn mexxiet konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni bikrija f’pajjżha stess. Id-delegazzjoni anki żaret numru ta’ istituzzjonijiet edukattivi Maltin tal-istat, tal-knisja u privati u matul dawn iż-żjarat u anki waqt il-konferenza kien hemm skambju ta’ ideat ma’ edukaturi Maltin dwar l-edukazzjoni bikrija u l-ewwel tal-snin tal-istudenti fil-Primarja. Għall-konferenza attendew aktar minn 80 edukatur minn setturi differenti fosthom kapijiet ta’ skejjel, diretturi taċ-childcare centres u edukaturi mill-iskejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti. 

Dwar it-tema tal-konferenza, dan is-sit tkellem ma’ waħda mill-Professuri Finlandiżi Piia Roos, rinnomata f’dan il-qasam, dwar is-sigrieti wara s-suċċess fil-qasam edukattiv ta’ pajjiżha. Hija semmiet l-inizjattivi diversi li ttieħdu f’pajjiżha matul l-aħħar snin u li minnhom ħarġu diversi fatturi pożittivi fosthom li t-tfal jitgħallmu ħafna permezz tal-logħob matul l-ewwel snin u anki li t-tagħlim għandu jkun ibbażat fuq l-interessi tat-tfal. M’għandux ikun hemm assessjar lokali u nazzjonali fi snin bikrin u fl-ewwel snin tal-primarja. 

Ir-riċerkatriċi Piia Ross, li f’pajjiżha tgħallem għalliema minn diversi pajjiżi fi ħdan l-Universita ta’ Tampere u li hi wkoll waħda mill-awturi tal-pubblikazzjoni The Success Story of Finnish Early Childhood Education enfasizzat li s-sistema edukattiva fil-Finlandja hija dejjem iffukata fuq il-kompetenzi u l-interessi tat-tfal. Sostniet ukoll li l-edukatur jeħtieġ li jagħraf dejjem x’inhuma l-aktar objettivi importanti li jridu jintlaħqu u qalet ukoll li fil-Finlandja t-tfal jibdew l-iskola primarja u obbligatorja aktar tard minn ħafna pajjiżi oħra Ewropej. 

“L-edukatur m’għandux ikollu l-għan li jibdel il-karattru tat-tfal imma f’ħidmietu għandu jsib il-mod kif huwa jinteraġġixxi mat-tfal li jgħallem,” qalet Roos. “L-edukaturi għandhom jiffissaw il-miri li għandhom jilħqu u jkollhom l-opportunità li jimmodifikaw l-azzjonijiet u l-lezzjonijiet tagħhom biex jilħqu l-istess miri.” 

“L-edukatur m’għandux ikollu l-għan li jibdel il-karattru tat-tfal imma f’ħidmietu għandu jsib il-mod kif huwa jinteraġġixxi mat-tfal li jgħallem”

Dr Piia Roos

L-enfasi għandha tkun fuq l-idea li aktar ma tindividwa l-bżonnijiet tat-tfal sa minn kmieni sa mill-ewwel snin tagħhom, akbar tkun il-possibilità tas-suċċess. Sadanittant, matul iż-żjara tagħhom, f’Malta, id-delegazzjoni Finlandiża kellha laqgħat fil-Ministeru tal-Edukazzjoni fosthom mas-Segretarju Permanenti Matthew Vella u d-Diretturi Ġenerali filwaqt li kellhom żjarat ukoll f’xi skejjel tal-knisja u indipendenti, childcare centres privati u tal-istat immexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Dan biex ikollhom ħjiel akbar tas-sistema edukattiva li nħaddmu f’Malta.  

Il-konferenza saret taħt l-awspiċi ta’ Dr Kenneth Vella, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja.

Ekonomija

Sport