B’reazzjoni għal dawn il-figuri, is-Segretarju Ġeneralii tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja, beda biex qal li din it-tabella teħtieġ aktar analiżi biex tifhem u jiġi determinat liema setturi qegħdin joffru impjiegi b’paga baxxa, jiġifieri f’liema settur tal-ekonomija Maltija jaħdmu dawn il-ħaddiema.
“Irridu naraw liema setturi qegħdin joffru l-aħjar pagi u liema setturi qegħdin joffru l-inqas pagi. Is-settur tal-ospitalità u ikel, tas-servizzi, tal-kostruzzjoni, tat-tindif u tal-manifattura qegħdin joffru pagi baxxi. Irridu nistaqsu – il-ħaddiema fil-faxxa ta’ isfel jaħdmu ma’ sub-contractors? Bħala GWU dejjem sħaqna li l-edukazzjoni hija l-arma li biha żżid il-paga tiegħek. Għalhekk, dejjem ħdimna biex il-membri tagħna jżidu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom. Aktar mal-ħaddiema jżidu l-ħiliet, aktar għandhom ċans ta’ mobilità soċjali,” spjega Bugeja.
L-impjiegi mas-sub contractors…
Il-GWU temmen li ħafna ħaddiema qegħdin jigu offruti impjieg mhux direttament mal-post tax-xogħol iżda mas-sub contractors. Sostna li, “tajjeb li nżommu f’moħħna li dawn il-ħaddiema tal-kuntrattur fil-privat ikollom ħlas bażiku skond il-liġi mingħajr ebda benefiċċJu ieħor. Għalhekk, il-GWU għamlet diversi proposti biex il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, jitwessa’. Għalhekk ukoll li fl-aħħar baġit għamilna proposta biex in-numru ta’ ħaddiema tal-kuntrattur f’kull post ta’ xogħol ikun limitat”.
Barra minnhekk, din l-akbar Union tal-ħaddiema f’Malta se tkompli targumenta favur sħubija awtomatika fi trejn unjin tal-għażla tal-individwu. Bugeja speċifika kif il-membri tagħhom jaqilgħu aktar minn hekk u fejn huma koperti bi ftehim kollettiv, għandhom benefiċċji oħra, ogħal milli taghti l-liġi. “Anke ħaddiema tal-kuntrattur illum qegħdin jidħlu fi ħdan il-unjin. Dan għax jafu li din hija dar naturali tal-ħaddiema u jafu li bi sħubija tfisser paga u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar,” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Studju mill-GWU: Id-dħul tal-familji għal għixien diċenti
Tajjeb li nfakkru li s-sena li għaddiet, il-GWU għamlet studju dwar in-National Living Income biex ikun ikkalkolat kemm għandu jkun id-dħul ta’ forom differenti tal-familja ħalli jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti. Bugeja għarrafna li dan l-istudju huwa lest u ppubblikat u issa se jibda jiġi mqassam lill-isħab soċjali u fl-MCESD, lill-Gvern u anke lill-Oppożizzjoni.
Josef Bugeja temm billi qal li din is-sena l-Low Wage Commission, li kienet twaqqfet lura fl-2017, trid tagħmel l-ewwel rapport taghha ħalli naraw kif għandha tiżdied il-paga minima nazzjonali.