Sunday, May 5, 2024

“L-edukazzjoni, it-tifkira u d-djalogu huma għodda qawwija kontra l-intolleranza”

- Il-Ministru għall-affarijiet barranin Ian Borg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sadanittant, il-Parlament ingħaqad mal-komunità internazzjonali sabiex ifakkar il-vittmi tal-Olokawst. F’din it-tifkira tkellmu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li l-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-Olokawst ifakkarna fl-atroċitajiet inkonċepibbli li seħħew matul wieħed mill-aktar kapitli koroh fl-istorja tal-bniedem. Qal li l-Olokawst huwa xhieda qawwija tal-konsegwenzi tal-mibegħda, l-intolleranza u d-de-umanizzazzjoni ta’ ħutna l-bnedmin. Hija tifkira tat-tbatija li m’għandniex ninsew biex atroċitajiet bħal dawn mhux biss jiġu kkundannat imma jiġu evitati.

“L-Olokawst kien attakk fuq l-umanità nnifisha. Miljuni ta’ ħajjiet innoċenti ntilfu waqt li ħafna familji u komunitajiet sfaxxaw fix-xejn. Illum ningħaqdu flimkien mhux buss biex niftakru f’dawk li tilfu ħajjithom imma wkoll biex inġeddu l-impenn tagħna lejn il-prinċipji tal-ġustizzja, l-ugwaljanza u d-dinjità umana,” qal il-Ministru Borg.

Huwa saħaq li ż-żieda fil-mibegħda u d-diskriminazzjoni f’diversi partijiet tad-dinja tfakkarna li dak li tgħallimna wara l-Olokawst huwa rilevanti aktar minn qatt qabel. Qal li rridu nibqgħu attenti għal dawk il-forzi li jipprovaw jifirduna fuq bażi ta’ razza, reliġjon jew etniċità u rridu nkunu lesti li nitkellmu kontrihom kull meta dawn iseħħu.

“L-edukazzjoni, it-tifkira u d-djalogu huma għodda qawwija kontra l-intolleranza. Billi nrawmu l-fehma u l-empatija nistgħu nibnu dinja fejn id-diversità tiġi ċċelebrata u d-dinjità ta’ kull individwu tiġi mħarsa.”

“F’dan ir-rigward, dan l-aħħar, Malta applikat biex tissieħeb fl-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst. ejja nużaw din l-okkażjoni sabiex inġeddu l-impenn tagħna lejn il-prinċipju tal-paċi, il-ġustizzja u d-drittijiet tal-bniedem,” temm jgħid il-Ministru Borg.

“Hawn min għadu jxerred il-mibegħda u politika razzista” – Beppe Fenech Adami

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li sfortunatament fl-istorja tal-bniedem assistejna u għadna nassistu min jemmen li m’għandekx tittollera lil ħaddieħor, lil min hu jemmen differenti minnek, lil min għandu karnaġġjon differenti jew persuni li jippartjenu għal poplu partikolari.

Fenech Adami żied jgħid li “nkunu qed niżbaljaw bħala politiċi, Gvernijiet, kull min għandu xi forma ta’ poter fid-dinja jekk jaħseb li l-perikli li wasslu għal dak li seħħ fl-Olokawst, qatt ma jista’ jerġa’ jsir. Anke f’Malta llum hawn min qed ixerred l-antisemitiżmu. Hawn min għadu jxerred il-mibegħda. Hawn min ixerred politika razzista, Hawn nies li jiċħdu l-eżistenza tal-olokawst. Bħala politiċi għandna nwaqqfu lil dawn in-nies li qed ixxerdu din il-mibegħda.”

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia sostna li għadna qegħdin naraw individwi li qed isofru konsegwenza ta’ kunflitti kurrenti fosthom nies innoċenti tfal u nisa jmutu, b’eluf jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Għadna qed naraw ukoll miljuni ta’ refuġjati li jkollhom iħallu kollox warajhom bit-tama li jsibu sigurtà, stabilità u libertà iżda fuq kollox ħajja aħjar għalihom u għall-familji tagħhom.

L-Ispeaker Farrugia enfasizza wkoll dwar il-bżonn urġenti ta’ proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani. Qal li dan huwa ta’ interess fundamentali mhux biss fil-Lvant Nofsani nnifsu iżda anke fil-Mediterran u saħansitra globalment.

U f’dan ir-rigward Malta, anke l-Parlament Malti, qed ikompli bil-ħidma tiegħu sabiex iwasslu l-messaġġ fuq il-bżonn ta’ koperazzjoni aktar b’saħħitha, djalogu, paċi, implimentazzjoni sħiħa ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fejn tindiriizza l-ħtiġijiet umanitarji f’Gaża u ttenni l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni ta’ żewġ stati.

Sport