Sunday, December 22, 2024

L-Edukazzjoni tiftaħ il-bibien għall-Opportunitajiet!

Noyah Spiteri Hammett - Viċi Sindku Bormla

Aqra wkoll

X’jista’ jfisser wieħed meta jsemmi l-edukazzjoni? F’diversi kuntesti, dan it-terminu jiġi mqabbel mal-qasam tal-istituzzjonijiet. L-edukazzjoni sservi bħala pilastru mportanti għall-iżvilupp u l-integrazzjoni tas-soċjetà, u għalkemm l-għarfien akkademiku jġorr importanza relevanti m’għandux jiġi kkunsidrat biss dak li jiġi mgħallem minn fuq il-bank tal-iskola. Ċertu valuri u abiltajiet huma siewja biex is-soċjetà tiffunzjona, u jiġu mgħallmin tul l-esperjenzi li wieħed jgħaddi minnhom fil-ħajja, b’mod speċjali fit-trobbija.

Nemmen li, primarjament, l-edukazzjoni tibda mid-dar, iżda huwa fatt li l-iskejjel jiffurmaw parti mportanti ferm mil-ħajja u l-futur tal-istudenti. Iż-żmien u l-ħin li t-tfal iqattgħu fl-iskejjel, fih mhux biss isawwru l-karattru u l-għarfien tagħhom, iżda wkoll jibnu diversi relazzjonijiet, fosthom dik ta’ ħbiberija, li nemmen li għandha tingħata mportanza daqs kull fattur ieħor fit-trobbija.

F’April li għadda, mal-ħatra tiegħi ta’ Viċi-Sindku ta’ Bormla, ġejt assenjata bir-responsabiltajiet tal-Edukazzjoni, Fondi Ewropej, Tfal u Żgħażagħ. Ilqajt din ir-responsabbiltà b’entużjażmu għaliex it-tlett oqsma huma relatati ma’ xulxin. Sa mill-ewwel ġurnata, b’determinazzjoni qawwija, xammart il-kmiem u komplejt naħdem sabiex fil-lokalita’ tagħna l-edukazzjoni tibqa’ tissaħħaħ u tingħata l-priorità li jistħoqqilha.

Fis-Sajf, il-membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla ħadna l-inizjattiva li norganizzaw attività edukattiva bl-isem ta’ ‘Naqraw Ktieb’. Għal din l-attività, l-attendenza tat-tfal kienet waħda numeruża, tant li b’mod sinċier, inkorraġġietni iżjed biex inkompli f’din il-mixja bil-għan li jiżdied aktar l-għarfien dwar l-importanza tat-tagħlim fil-ħajja; għaliex ta’ min wieħed jgħid, li t-tagħlim ma jieqaf qatt!

Permezz ta’ din l-attività, irnexxielna nwasslu messaġġ dwar kemm huwa mportanti l-qari. Għalkemm l-għarfien m’għandux jieqaf hawn, wieħed għandu dejjem iżomm ruħu nfurmat sabiex ikun kapaċi jaħseb u jżid il-kompetenza tiegħu fuq diversi oqsma, u dan iwassal biex minn età żgħira, it-tfal jitrabbew b’ċertu valuri u abbiltajiet li jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet għaqlin għall-futur tagħhom. Innutajt kemm it-tfal jinvolvu ruħhom b’tant entużjażmu fil-kapaċita’ li jistħoqqilhom, sabiex jitkellmu, jaqsmu u jesprimu ħsibijithom. ‘Naqraw Ktieb’ kienet propju organizzata b’dan il-motiv; li noħolqu spazzju fejn fih it-tfal iħossuhom komdi jipparteċipaw u fl-istess ħin jifhmu kemm it-tagħlim ma’ jieqafx mal-ġurnata li l-iskejjel jagħlqu l-bibien għall-vaganzi tas-Sajf.

Iva, l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-opportunitajiet; iżda, irridu nħarsu lejha b’mod aktar ħolistiku wkoll. Ma nistgħux nitfgħu għajnejna biss fuq temi li jinvolvu l-kitba, anzi, irridu nirsistu aktar dwar l-importanza tas-snajja u t-tagħlim tekniku, li sfortunatament intilfu daqsxejn maż-żmien minħabba diversi fatturi esterni. Għalhekk, nemmen li huwa fid-dover tagħna, speċjalment bħala Kunsill Lokali, li naraw li noħolqu opportunitajiet diversi u li jolqtu kull settur tal-edukazzjoni. Wara kollox, huma wkoll is-snajja li jifformaw parti mill-identità tagħna l-Maltin!

U xi ngħidu għal iktar għarfien dwar id-diżabilita’ u l-edukazzjoni inklussiva? Huwa fatt magħruf li għalkemm saru diversi proġetti u investimenti biex jassistu kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti nfushom f’dan ir-rigward, għad fadlilna x’naqdfu fejn tidħol l-ugwaljanza u l-integrazzjoni soċjali. Għalhekk, huwa mportanti ferm li t-tfal, ta’ minn eta’ żgħira, ngħallmuhom għalfejn studenti fil-klassi magħhom kellhom bżonn pjan differenti u iżjed prattiku mfassal speċifikament għalihom, sabiex huma wkoll ikunu kapaċi jlaħħqu mal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali. Dan mhuwiex privileġġ, iżda huwa dritt u mod t’ekwità ghal kull ċittadin ta’ kwalunkwe eta’.

Ftit ġimgħat ilu, kelli l-opportunità li niltaqa’ mal-kapijiet tal-iskejjel ġewwa Bormla, sabiex insir naf aktar mill-qrib x’inhi l-perspettiva tal-istudenti. Iddiskutejna diversi temi u suġġetti, fosthom l-importanza tat-tagħlim dwar l-isfidi tal-ħajja. Infatti, fil-ġranet li ġejjin, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla flimkien mal-iskejjel tal-lokalità, ser inkunu qed nieħdu sehem fi proġett pilota bl-iskop li ninnormalizzaw it-tagħrif fost it-tfal u żgħażagħ fejn jidħlu temi familjari, speċjalment l-ostakli li jistgħu jiltaqgħu magħhom tul il-mixja tal-ħajja. 

Din hija l-edukazzjoni ħolistika li nemmen fiha; l-edukazzjoni tal-kitba, dik tas-snajja, kif ukoll dik soċjali. L-edukazzjoni, it-tfal u ż-żgħazagħ ser ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħi fejn l-għanijiet prinċipali huma dawk tal-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-komunità. 

Nilqa’ bi ħġari l-proġett ta’ “School Grannies”. B’sodisfazzjon, ngħid li din l-inizjattiva twieldet f’Bormla fl-2021 mis-Sindku preċendenti, l-Onor Alison Zerafa Civelli, li llum hija s-Segretarju Parlamentari responsabbli fuq il-Kunsilli Lokali. Dan il-proġett huwa mmirat sabiex jipromwovi anzjanità aktar attiva fil-lokal, kif ukoll jinħoloq mezz ta’ interġenerazzjoni bejn it-tfal u l-anzjani tagħna. 

Din il-ġimgħa, kulħadd jerġa jirritorna għar-rutina tax-Xitwa, u għalhekk nieħu din l-opportunità sabiex nawgura lit-tfal u liż-żgħażagħ sena skolastika ġdida mimlija suċċessi. Inħeġġiġhom sabiex dejjem jistinkaw għall-dak li jixtiequ, u nfakkarhom li m’hemm l-ebda żmien jew limitu għall-kapaċitajiet tagħhom. Bħala Viċi-Sindku, inwiegħed li ser naħdem id f’id magħhom sabiex dejjem inżidu l-opportunitajiet għall-aktar integrazzjoni fis-soċjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, tajjeb infakkru, li din hija l-ġenerazzjoni futura li qiegħdin ninvestu fiha.

Ekonomija

Sport