L-andament ekonomiku qawwi li għadda u għadu għaddej minnu pajjiżna ġab miegħu realtajiet ġodda. Realtajiet li ma nistgħux ma nagħtux kashom jekk irridu li pajjiżna jibqa’ kompetittiv u jkabbar il-ġid. Dawn ir-realtajiet żviluppaw fi ħtieġa ta’ ħaddiema aktar imħarrġa u b’ħiliet diversi. Dan il-fatt huwa rifless ukoll fiż-żieda qawwija ta’ nisa fis-suq tax-xogħol.
Illum, l-ekonomija ta’ pajjiżna m’għadhiex mibnija biss fuq ażjendi li jħaddmu mijiet jew mhux eluf ta’ nies imma wkoll fuq intrapriżi żgħar u medji li l-impjiegi fihom jinħtieġu ċertu ħiliet li qabel ftit li xejn kellna bżonnhom. L-ekonomija diġitali wasslet għal qabża kbira fil-kwalità tal-impjiegi.
Huwa għalhekk illi ċertu ħaddiema jsiru kapaċi għal aktar minn impjieg wieħed. U dan kollu jirrikjeda li l-ħaddiema jkunu kontinwament mhux biss aġġornati imma mħarrġa biex jimlew dawn l-impjiegi ġodda li qed jinħolqu, u li titlob l-ekonomija diġitali.
Ir-riżultati li kienu tħabbru minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali kif ukoll ir-rapporti fuq Malta mill-Kummisjoni Ewropea huma prova ċara ta’ dan il-progress ekonomiku. Però l-pass ekonomiku li pajjiżna qed jesperjenza iġib miegħu sfidi li ma nistgħux ninjorawhom. Sfidi primarjament ta’ riżorsi umani, sfidi li mhumiex biss ta’ kwantità imma wisq aktar ta’ kwalità. Il-kwalità tal-ħaddiem li r-rwol tiegħu fid-dinja tax-xogħol tal-lum huwa wieħed kruċjali.
F’dan il-kuntest, mhuwiex biss essenzjali il-proċess edukattiv ta’ pajjiżna biex niggarantixxu l-ħaddiem li għandna bżonn llum u li se jkollna bżonn għada imma wisq aktar il-proċess ta’ aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema lokali jew barranin.
Biex inkomplu niggarantixxu prodott ta’ kwalità fost oħrajn fis-settur turistiku, fis-settur finanzjarju, fis-settur tal-avjazzjoni u marittimu, fis-settur tal-manifattura kif ukoll fis-settur diġitali u tal-innovazzjoni pajjiżna ma jistax ma jinvestix bil-qawwi fil-ħaddiema involuti f’dawn is-setturi. Għalhekk nifhmu illi l-edukazzjoni, partikolarment dik vokazzjonali, m’għandhiex tieqaf meta student iħalli l-bankijiet tal-iskola imma tibqa’ għaddejja wkoll għal tul il-ħajja.
Bl-intenzjoni li dan iseħħ, il-Gvern kien ħa deċiżjoni biex jenfasizza fuq l-edukazzjoni diġitali sabiex tgħin lis-soċjetà Maltija tkompli tavvanza fil-kapaċitajiet tagħha u biex verament tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha u allura ta’ pajjiżna.
Huwa importanti wkoll li assoċazzjonijiet u korpi kostitwiti jgħinu biex verament il-proċess tal-upskilling u reskilling ikun effettiv. L-importanza tat-taħriġ saħansitra huwa rikonoxxut mill-imsieħba soċjali nfishom li wara kollox hu fl-interess tagħhom li jkollhom ħaddiema kapaċi u b’ħiliet li jilqgħu għall-isfidi industrijali u tekniċi tal-ġejjieni.