L-Għaqda tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA innotat l-istqarrija li għamel il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li lbieraħ qal li l-ekonomija Maltija triq tibda timxi ’l bogħod mill-kostruzzjoni. L-MDA fi stqarrija maħruġa qalet li r-raġuni li ta l-Ministru kienet li l-poplu jħoss li l-ispazji miftuħa u l-ambjent qiegħdin jiġu mhedda.
L-MDA żiedet tgħid li filwaqt li tikkondividi s-sentiment tal-poplu tħoss illi s-soluzzjoni mhijiex illi l-ekonomija tagħmel għadu mill-industrija tal-kostruzzjoni pero’ illi tħaddan liġijiet u policies illi jkunu aktar favur l-ambjent; kemm dak rurali kif ukoll dak urban.
L-Għaqda kompliet li dak li jrid l-investitur huma liġijiet ċari, ċertezza u tneħħija ta’ burokrazija żejda u lest li jilqa’ l-isfidi ġodda li timponi fuqu ekonomija mibnija fuq parametri ambjentali, pjanar strateġiku u fit-tul għal bini sostenibbli sabiex filwaqt li ma tbagħtix l-ekonomija, ma jbagħtux lanqas il-40,000 familja li jieklu minn din l-industrija.