Wednesday, October 9, 2024

L-ekonomija Maltija kibret b’ritmu aktar mgħaġġel fit-tielet kwart tal-2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta

Aqra wkoll

Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta wera kif matul it‑tielet kwart tal‑2023, l‑ekonomija Maltija kibret b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel. Meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni, l-esportazzjoni kienet il-kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li d-domanda domestika kellha impatt marġinalment pożittiv. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali tindika li l‑livell ta’ użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija żdied marġinalment meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel. 

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa’ ogħla mill-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea kompla tiela’ u qiegħed f’livell ogħla mill-medja storika. 

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. 

Il‑pressjoni fuq iż-żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur kompliet tittaffa, iżda l‑inflazzjoni baqgħet għolja minn perspettiva storika u ’l fuq mill-mira tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). 

Il‑proporzjon tad‑defiċit tal‑gvern ġenerali fil-PDG u l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG naqsu meta mqabbla mat-tieni kwart tal‑2023. Filwaqt li l-proporzjon tad-dejn ta’ Malta kien taħt il-medja taż-żona tal-euro, il-proporzjon tad-defiċit ta’ Malta kien viċin il-medja taż-żona tal-euro. 

Filwaqt li l-PDG ta’ Malta żdied fuq l-istess kwart sena qabel, dak fiż-żona tal-euro naqas marġinalment. It-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ukoll aktar mgħaġġel mill-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet aktar baxxa. Madankollu, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla f’Malta hekk kif l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija kienet negattiva fiż-żona tal-euro, filwaqt li f’Malta baqgħet l-istess. 

Fid-dawl tal-pressjonijiet inflazzjonarji persistenti, il-BĊE għolla r-rati ewlenin tal-imgħax tiegħu f’Lulju u f’Settembru. L-ebda żieda oħra ma ġiet imħabbra sal-aħħar tas-sena. 

L-ewwel ħarġa tar-Rivista ta’ kull tliet xhur għall-2024 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. 

Sport