Sunday, December 22, 2024

L-EKONOMIJA TA’ MALTA BAQGĦET B’SAĦĦITHA

Aqra wkoll

L-ekonomija ta’ Malta baqgħet waħda sostenibbli bi tkabbir kontinwu. Konferma ta’ dan kienu ċ-ċifri li ħabbru l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li juru li l-ekonomija ta’ Malta kibret 12-il darba aktar mill-medja Ewropea fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena.

Il-fatt li l-ekonomija Maltija baqgħet b’saħħtiha juru kemm l-argument ta’ dawk li kkritikaw il-mudell ekonomiku preżenti u li hemm bżonn dan jinbidel, ma jreġix. Tant illi l-ekonomija baqgħet issostni l-impjiegi u l-investiment li qed isir.

Dawk l-istess nies li attakkaw il-mudell attwali baqgħu ma ħarġux b’alternattiva ta’ x’iridu jew x’jifhmu b’mudell ekonomiku ġdid. Il-poplu ma jaħsibx li l-mudell ekonomiku preżenti mhuwiex tajjeb. Tant illi l-ekonomija tagħna baqgħet waħda dinamika anke bil-fatt li assorbiet ix-xokkijiet ekonomiċi internazzjonali fosthom il-pandemija tal-Covid-19 u l-kunflitti kemm fil-Lvant Nofsani kif ukoll fl-Ukrajna.

Kieku ma kienx għas-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna, kieku l-Gvern ma kienx ikun f’pożizzjoni li jissussidja b’miljun ewro kuljum il-prezzijiet tal-enerġija. Dan ifisser li dawk il-flus baqgħu fil-bwiet tal-Maltin, li rriżultaw f’konsum akbar mill-familji tagħna.

Kienet għaqlija d-deċiżjoni illi l-ekonomija tagħna tibqa’ tiddiversifika tant li t-tkabbir ta’ dawn l-ewwel tliet xhur tas-sena kien dovut l-aktar għas-settur diġitali fost l-oħrajn mill-IT, remote gaming u servizzi professjonali.
Barra min hekk, it-tkabbir ekonomiku jrid jittieħed ukoll fil-kuntest li pajjiżna rnexxielu jżomm id-dejn u d-defiċit taħt il-limitu tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu għax iqawwilna qalbna għall-ġejjieni ekonomiku biex tattira aktar investiment barrani lejn pajjiżna li joffri impjiegi ta’ kwalità. Dan jorbot ukoll maċ-ċertifikati li qed jingħataw lil pajjiżna minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali illi qed jaraw prospetti sbieħ għall-ekonomija Maltija b’mod inġenerali.

Irrispettivament minn liema ħsieb ekonomiku wieħed jista’ jkollu, żgur naqblu li s-sisien ekonomiċi ta’ pajjiżna huma b’saħħithom. Premessa li fuqha l-Gvern għandu jkompli jibni biex ikompli jkun jista’ jilqa’ għall-isfidi tal-futur.

Ekonomija

Sport